Lokali

Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment kien ċaħad talba tal-gvern għal fondi għal power station

Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (EIB) kienet ċaħdet talba tal-gvern sabiex jingħata finanzjament lill-konsorzju li ser jibni l-power station il-ġdida f’Delimara. Dan ġie żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta li żvelat kif fis-sena 2013 saru laqgħat bejn l-Enemalta u l-EIB. Jidher iżda li wara eżerċizzju ta’ verifika mill-EIB msejjaħ ‘Due Diligence’ ebda fondi ma’ kienu approvati għal proġett tal-Power Station il-ġdida.

The Times spjegat li numru ta’ mistoqsijiet li hija bgħatet lill-Ministru Konrad Mizzi baqgħu mhux mwieġba.

L-attentat li jinkisbu fondi mill-EIB għal proġett dwar l-enerġija ma’ huwiex kunċett ġdid għal Malta. Fil-fatt fis-sena 2008 kienu inkisbu fondi għal proġett tal-bini ta’ l-impjant tal-BWSC filwaqt li fis-sena 2010 kienu nkisbu fondi għal proġett ta’ l-interconnector.

Minn naħa l-oħra l-proġett tal-power station il-ġdida f’Delimara ra pass uniku minn naħa tal-gvern, dak ta’ garanzija ta’ tmienja u tmenin miljun Ewro mill-istat sabiex il-konsorzju kiseb self ta’ aktar minn mitt miljun Ewro mill-Bank of Valletta.

Intant fi stqarrija l-Ministeru tal-Enerġija qal li r-rapport ta’ The Times huwa fabbrikazzjoni iżda fl-istess waqt kkonferma li saru laqgħat bejn l-Enemalta u l-EIB għalkemm skond l-istess stqarrija qatt ma’ kien hemm problemi bejn iż-żewġ naħat.