Il-ħatra ta’ Charles Flores fil-bord editorjali tal-PBS qed toħloq kontrovesja mhux biss għall-fatt li Flores hu esponent ewlieni Laburist, iżda għax hu kien involut f’Xandir Malta tal-passat. Dan fil-kuntest tal-wegħda elettorali Laburista dwar il-meritokrazija.
Fil-karriera tiegħu Flores iddaħħal Xandir Malta fl-1979, fil-perjodu li l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kien għaddej bi strateġija biex jieħu taħt idejh ix-xandir tal-istat u jikkonvertih f’mezz biex joħloq dik li kienet tissejjaħ ‘ġenerazzjoni Soċjalista.’
Qabel iddaħħal Xandir Malta, Charles Flores okkupa karigi editorjali fil-Union Print, l-istamperija tal-GWU. Bejn l-1979 u l-1986, is-snin li fihom ix-xandir tal-istat, Xandir Malta, kien fl-agħar livelli ta’ kredibbilta u manipulazzjoni politika, Charles Flores kien il-Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon. Għal diversi snin wara l-elezzjoni ġenerali tal-1987, Charles Flores baqa’ jaħdem il-PBS.
Il-kariga ta’ Kap tat-Taqsima Aħbarijiet tax-xandir tal-istat iġġib magħha ir-responsabbilta mill-aħbarijiet li kienu jixxandru fuq Xandir Malta…aħbarijiet li kienu jiddiskriminaw sfaċċatament kontra l-Partit Nazzjonalista, li dak iż-żmien kien fl-Oppożizzjoni.
Fost l-akbar manipulazzjonijiet politiċi li twettqu fil-perjodu ta’ Charles Flores bħala Kap tat-Taqsima Aħbarijiet ta’ Xandir Malta, kienet il-mod kif fl-elezzjoni ġenerali tal-1981, Xandir Malta kien għodda politika tal-Gvern Laburista biex ixxandret l-aħbar li l-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni meta fil-fatt kien il-Partit Nazzjonalista li kiseb il-maġġoranza tal-voti.
F’dak il-mument tant delikat għall-pajjiż, fuq Xandir Malta ittellgħet l-emblema tal-Partit Laburista u ndaqqu innijiet Laburisti flimkien ma’ oħrajn li jinsulentaw lill-Kap tal-PN ta’ dak iż-żmien, Eddie Fenech Adami.
Il-qofol tal-miżuri implimentati minn Charles Flores fil-perjodu meta kien Kap tat-Taqsima Aħbarijiet ta’ Xandir Malta kienet propju direttiva mogħtija minnu fil-21 ta’ Awissu 1985 li permezz tagħha Charles Flores ordna li l-isem tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami ma jissemmiex.
Għal xhur sħaħ sar-rebha elettorali tal-Partit Nazzjonalista f’Mejju 1987, isem Eddie Fenech Adami ma kienx jixxandar fuq ix-xandir tal-istat.
L-involviment politiku ta’ Charles Flores imur lil hinn mill-kitba ġurnalistika. Dan għall-fatt li ritratti meħuda waqt l-attivitajiet tal-indipendenza organizzati mill-PN f’Settembru 1973 fil-Belt juru lil Charles Flores mal-marmalja Laburista li dak iż-żmien kienet tattakka lill-partitarji Nazzjonalisti f’dawk id-dimostrazzjonijiet. Ir-ritratti juru lil Charles Flores mal-partitarji Laburisti jqattgħu streams tal-partitarji Nazzjonalisti fl-attakki fuq in-Nazzjonalisti.
It-tentattivi tal-Partit Laburista biex iżommu lil Charles Flores fiċ-ċentru tal-aħbarijiet tal-istat ilhom għaddejin sa minn żmien il-mexxej Laburista Alfred Sant li kien insista li Charles Flores bi dritt, kellu jilħaq Kap tat-Taqsima Aħbarijiet anki fi żmien gvern Nazzjonalista. L-impenn ta’ Alfred Sant issa twettaq minn Joseph Muscat.
//= $special ?>