Il-Prim Ministru ma jridx jippubblika min xtara ċ-ċittadinanza
Il-Gvern bla soluzzjoni għall-problemi kbar fosthom it-taffiku
Il-gvern qed joħloq il-ġid għal dawk viċin tiegħu, għaliex il-fatti juru li n-nies fil-faqar qed jiżdiedu u issa laħqu 100,000. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil qal dan waqt li kien intervistat fuq Radio 101 mill-Kap tat-taqsima tal-aħbarijiet ta’ media.link communications, Fabian Demicoli, ġurnata qabel il-baġit.
Il-Kap tal-PN qal li l-baġit għandu jkun wieħed li jaassam il-ġid b’mod ġust u mhux li jibqgħu jiffangw il-ftit. Dan meta l-ekonomija qed tkompli tikber. Fl-aħħar sentejn u nofs l-iffangar ta’ ċerti nies kien skandaluż fejn il-ġid qed jitqassam b’mod inġust. Fil-pajjiz hawn 100,000 persuna fil-faqar, fejn l-anzjani fil-faqar żdiedu b’2,500 fl-aħħar sena. Din hi sitwazzjoni diffiċli ferm għaliex l-anzjani ma jistgħux jaħdmu, sostna Simon Busuttil. Għalhekk il-pensjoni trid tkun waħda li l-anzjani jistgħu jgħixu biha.
Simon Busuttil tkellem dwar il-pagi u qal li l-pagi m’humiex qed ikompli jiżiedu bħal qabel. Taħt Gvern immexxi mill-PN il-paga medja kienet tiżdied b’€500 fis-sena waqt li issa din qed tiżdied b’€200 fis-sena. Hu qal li mill-ekonomija li qed tikber qed jibbenefikaw biss tal-klikka u tal-qalba fosthom tal-Cafè Premier, Gaffarena, il-Partit Laburista bl-Australia Hall u dawk li kienu fil-billboards qabel l-aħħar elezzjoni. Għalhekk fil-baġit iridu jittieħdu inizjattivi oħra biex din l-inġustizzja tkun irranġata.
Dwar id-dokument ta’ qabel l-baġit maħruġ mill-PN, il-Kap tal-PN qal li din kienet idea pożittiva li se tkompli ssir mill-Oppożizzjoni. Xi ħaġa li l-Partit Laburista qatt ma għamel, lanqas meta Joseph Muscat kien għal ħames snin fl-Oppożizzjoni. Dan id-dokument hu mimli proposti, fosthom dwar il-prezz tal-petrol u d-diesel.
Dan quddiem is-sitwazzjoni fejn il-prezz internazzjonali taż-żejt naqas bil-qawwi. Għalhekk il-gvern hu obbligat li jnaqqas il-prezz tal-petrol u d-diesel. Il-PN qed jikellem ukoll dwar il-prezz tal-elettriku, fejn hemm korpi kostitwiti li qed jappellaw biex it-tariffi jkomplu jorħsu biex jirriflettu l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar it-traffiku u qal li dan qed ifisser iżjed konsum ta’ fuel mix-xufiera. It-traffiku saret problema nazzjonali li minn perċezzjoni saret purċissjoni. Wasal iż-żmien li dan il-gvern issa joħroġ bi pjan ċar u konkret kif se jkun immaniġġjat aħjar. Il-poplu jistenna li fil-baġit il-gvern jippreżenta l-pjani tiegħu.
Simon Busuttil kompla li l-akbar raġuni dwar d-diżastru fit-traffiku hi l-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi li lanqas biss kien preżenti fil-Parlament meta saret diskussjoni dwar it-traffiku. Dan juri kemm il-Ministru Joe Mizzi hu ministru irrilevanti għaliex anki l-Prim Ministru nnifsu aċċetta li jsir id-dibattitu parlamentari meta l-Ministru Mizzi kien imsiefer.
L-Oppożizzjoni, sostna l-Kap tal-PN, ilha tagħmel proposti dwar dan is-settur fosthom li l-gvern jħallas għat-trasport tat-tfal li jmorru fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati bl-istess mod li jħallas għat-trasport tal-iskejjel tal-gvern. Din hi proposta li tnaqqas il-karrozzi fit-traffiku fil-mument meta fit-toroq ikun hawn eluf ta’ karozzi.
Dwar l-ekonomija, il-Kap tal-PN qal li l-proposti tal-PN huma mibnija fuq is-sostenibiltà u d-dinjità għal kulħadd u sostna li t-tkbabir ekonomiku għandu jkun sostenibbli u b’saħħtu tassew biex jikber minn sena għal oħra. Aktar u aktar meta s-sitwazzjoni internazzjonali m’hix ħażina kif kienet qabel. Għalhekk hu ħażin li jiddaħħlu eluf ta’ ħaddiema mal-gvern, li d-dejn żdied b’nofs biljun u t-tkisser ir-reputazzjoni ta’ Malta bl-iskandli kontinwu li qed ikunu żvelati.
Simon Busuttil qal li saret laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà li fiha hu għamel ħafna punti, fosthom li ma jkunx hemm segretezza f’min jixtri l-passaporti. Din kienet kontroversja kbira u l-gvern kien wiegħed li s-segretezza titneħħa. Dan wassal biex anki nbidlet il-liġi iżda wara sentejn il-gvern għadu ma ppubblikax l-ismijiet ta’ min xtara l-passaport u sar ċittadin Malti.
Il-Prim Ministru qed jirrifjuta li jagħmel dan u kien għalhekk li fil-laqgħa Simon Busuttil talab vot, iżda dan m’għaddiex b’żewġ membri jivvutaw kontra u hu jivvota favur il-pubblikazzjoni serja. Dan juri li dan hu Prim Ministru li jinsulenta l-intelliġenza tan-nies li hu biss espert biex jimmanipula iżda m’hux espert fl-onestà.
Dan hu gvern li uża lill-poplu, fosthom lil-Laburisti ġenwini biex jirbaħ l-elezzjoni u issa qed jagħti biss każ dawk il-Laburisti li jridu biss jiffangaw minn flus il-poplu. Dan qed jarah kulħadd anki l-Laburisti ġenwini.
Ma nemminx li fil-baġit il-Prim Ministru se jindirizza l-korruzzjoni, se jemmen fil-meritokrazija, fir-resposnabbiltà politika jew fit-trasparenza. Il-Prim Ministru waqgħetlu l-maskra u l-wegħdi elettorali kienu biss gideb u ngann, dan bla ma jfisser li l-PN kien perfett għalkemm għamel ħafna affarijiet tajbin.
Il-PN jemmen f’politika differenti ‘l bogħod mill-korruzzjoni, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni li qal li minkejja li dejjem isiru l-iżbalji, il-parititi politiċi għandhom imexxu politika nadifa. Il-Kap tal-PN qal li l-PN hu determinat li jagħti għażla alternattiva bi proposti konkreti.
//= $special ?>