Meta kien qiegħed jitkellem fil-każin Laburista f’Birżebbuġa l-Prim Ministru Joseph Muscat kompla b’attakk qawwi fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li qal li Simon Busuttil ma’ jistax jibqa’ negattiv u kkompara lil Kap tal-Oppożizzjoni ma’ San Pawl f’Damasku. Fid-diskors tiegħu Joseph Muscat kompla wkoll b’attakk qawwi kontra numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li sejjaħ lill-oppożizzjoni bħala distruttiva.
Diskors li fih il-Prim Ministru saħaq li Malta kienet bdiet it-triq sabiex tkun l-aqwa fl-Ewropa u semma bħala eżempju l-fatt li ċ-child care centres saru b’xejn.
Muscat qal li llum kullħadd jinstab rasu mistrieħ għaliex kullħadd jaf kif jaħdem dan il-gvern. Tkellem dwar dak li sejjaħ l-istabbilita’ tal-prezzijiet tal-fjuwil u qal li fil-bidu tas-sena d-dieħla ser jorħsu l-prezzijiet tal-fjuwil u dan minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt ilu żmien twil f’livell baxx ħafna, b’Malta għalhekk bħalissa qegħda tħallas fost l-ogħla prezzijiet għal fjuwil fl-Unjoni Ewropea.
Joseph Muscat ftaħar li jekk il-gvern Laburista t-Tnejn ma’ jagħmel ebda baġit xorta jkun qiegħed jgħati lil poplu miljuni ta’ Ewro minħabba t-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li sar fil-passat. Muscat ilmenta għal fatt li dwar il-baġit is-suġġerimenti ta’ kullħadd kienu dwar kif jintefqu l-flus u mhux fuq kif jinġabru l-flus.
Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li kien għal Muscat, il-Partit Nazzjonalista missu jibqa’ sieket quddiem il-ħniżrijiet li qed jagħmel il-Gvern tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista fakkar li b’ġurnata waħda mill-baġit, Joseph Muscat baqa’ ma tkellimx dwar kif se jindirizza l-akbar problemi f’pajjiżna, fosthom l-istat diżastruż tat-traffiku u t-toroq, u r-rata dejjem togħla tal-faqar f’pajjiżna, b’100,000 ruħ illum jinsabu f’riskju ta’ faqar. Dan filwaqt li l-Gvern Laburista qed iberbaq flus il-poplu fuq ħatriet pubbliċi għal tal-qalba, li qed jiswew lill-poplu miljuni kbar.
L-Oppożizzjoni tistenna li l-baġit ta’ għada jkun wieħed li tassew iħoss il-polz dwar ir-realtajiet li jgħaddu minnhom il-Maltin u l-Għawdxin, u li jindirizza dawn il-problemi sabiex il-ġid jitqassam b’mod ġust bejn kulħadd u mhux jibqgħu jiffangaw il-ftit temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>