Lokali

‘Joseph Muscat u Konrad Mizzi jerġgħu jinqabdu jaħbu’

Fi stqarrija ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport Marthese Portelli qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi reġgħu nqabdu jaħbu fuq il-proġett tal-power station wara li fallew fuq il-wegħda prinċipali tal-Gvern Laburista li titlesta l-power station sa Marzu li għadda.

Wara sensiela ta’ ħabi u gideb, li kkaratterizzaw dan il-proġett sa mill-bidu tiegħu, illum il-Gvern ta’ Joseph Muscat reġa’ inkixef mill gazzetta The Sunday Times of Malta li l-Gvern ipprova jġib finanzjament b’rati vantaġġjużi mill-Bank għall-Investment Ewropew (EIB), u ma rnexxielux tkompli tgħid l-istqarrija.

Minħabba dan il falliment, il-Ministru Konrad Mizzi ma kellux triq oħra ħlief li jdur fuq il-Prim Ministru Muscat u l-Ministru tal Finanzi Edward Scicluna, u jitlobhom jagħmlu dak li qatt ma sar fl-istorja ta’ pajjiżna – jiffirmaw garanzija bankarja ta’ €360 miljun biex il-poplu Malti jagħmel tajjeb, mit-taxxi tagħna, għad-djun u s-self ta’ negozjanti privati li daħlu għall-power station ta’ Muscat u Mizzi tispjega l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-istqarrija il-Partit Nazzjonalista jgħid li issa qed jidher dejjem iktar ċar li ħadd mill-banek ma ried isellef flusu għal dan il-proġett, u għalhekk, kellu jidħol il-Gvern u jagħmel tajjeb bi flus il-poplu għal dan is-self.

Dan meta qed jidher bl-aktar mod ċar li l-power station ta’ Muscat u Mizzi m’għandniex bżonnha għax il-Gvern, permezz tal-interconnector u l-power station tal-BWSC diġà seta’ jraħħas il-kontijiet, u saħansitra jista’ jkompli jaqta’ l-kontijiet ħafna aktar minħabba li l-prezz taż-żejt hu n-nofs ta’ dak li kien sena ilu.

Waqt li kkundanna l-politika ta’ ħabi li qed tikkaraterizza l-Gvern ta’ Joseph Muscat, il-Partit Nazzjonalista reġa’ għal darb’oħra insista mal-Gvern li jippubblika d-dokumenti u l-korrispondenza kollha relatati mal-konċessjoni tal-power station u l-garanzija bankarja unika, li ta għal power station li m’għandniex bżonnha.