Lokali

L-Etihad Airways b’interess li tixtri parzjalment lill-Air Malta

Il-gazzetta Il-Mument illum żvelat li l-kumpanija Etihad Airways, li hi t-tieni l-akbar linja tal-ajru fl-Emirati Għarab Magħquda wara l-linja tal-ajru Emirates, jidher li hi interessata li tixtri parzjalment lill-Air Malta.

Din il-kumpanija hi interessata li tixtri s-servizzi tar-rotot tal-kumpanija fil-Mediterran u fl-Ewropa iżda jidher li ma hix lesta li tidħol għax-xiri tal-Ground Service.

Il-Mument qalet li fil-kuntatti li kellha mat-Tmexxija tal-Air Malta, il-kumpanija nazzjonali tal-ajru qed tinsisti li kemm-il darba l-Etihad Airways verament trid tixtri s-servizzi tal-Air Malta, allura tixtri s-servizzi kollha u mhux tagħżel minnhom.

Etihad Airways fl-aħħar snin kibret qatigħ bħala linja tal-ajru internazzjonali u hi direttament involuta wkoll f’numru ta’ linji oħra tal-ajru madwar id-dinja, fosthom l-Alitalia, il-Jet Airways, airberlin, Niki, Air Serbia, Air Seychelles u Etihad Regional.

Il-kumpanija hija wkoll involuta fil-ġarr tal-passiġġieri u l-merkanzija, tħaddem ukoll l-Etihad Holidays u l-Etihad Cargo.

Hemm numru ta’ kumpaniji oħra tal-ajru li iżda m’humiex uffiċjalment magħrufa bħala sieħba strateġiċi tal-istess Etihad Airways.

Numru konsiderevoli mill-kumpaniji tal-ajru li jtiru minn u lejn Malta diġà huma involuti direttament fi sħubija mal-Etihad Airways.

Il-Gvern Malti jidher li hu determinat li b’xi mod jew ieħor jeħles minn fuq il-kotba tiegħu lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta minħabba t-telf finanzjarju kontinwu li qed tkompli tagħmel din il-kumpanija.

Filwaqt li sa ftit tas-snin ilu – fi żmien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista – il-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kellha pjan ċar ta’ kif toħroġ mill-kriżi finanzjarja kbira li kienet tinsab fiha, fl-aħħar sentejn u nofs ta’ Gvern immexxi mill-Partit Laburista, il-kumpanija, sfortunatament, reġgħet bdiet sejra lura u l-problemi finanzjarji reġgħu bdew jiżdiedu.

Il-Gvern preżenti, matul l-aħħar xhur, għamel diversi tentattivi u negozjati ma’ kumpaniji ġganteski oħra tal-ajru, fosthom kumpaniji Ċiniżi, biex jipprova jeħles mill-Air Malta.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li huma jifhmu tajjeb kif kumpanija bħal Etihad Airways tkun lesta tidħol għal parti mill-piż tal-Air Malta u tieħu biss dak li hu ta’ vantaġġ għaliha – ir-rotot – iżda tiskarta dak li jista’ jkun ta’ piż finanzjarju bħalma huma s-servizzi tal-Ground Service.