Il-Qorti tat raġun lill-Ombudsman fil-kwistjoni mal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali dwar min għandu l-ġurisdizzjoni biex jisma’ u jinvestiga ilmenti dwar promozzjonijiet fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta u ordnat li l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela u s-Segretarju Permanenti fl-istess ministeru Kevin Mahoney li jipprovdu l-informazzjoni li talab u li jista’ jitlob l-Ombudsman fir-rigward tal-ilmenti mressqa.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-istess Ministru u Segretarju Parmanenti għandhom jidhru quddiem l-Ombudsman jekk jitlob il-ħtieġa li jsir dan fil-qadi ta’ dmirijietu.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, iddikjarat li l-Ombudsman għandu ġurisdizzjoni biex jinvestiga ilmenti għar-rigward ta’ ħatriet, promozzjonijiet, salarji u drittijiet ta’ pensjoni ta’ uffiċjali u suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Qorti ddikjarat ukoll li hu l-Ombudsman li jiddeċiedi jekk għandu jew m’għandux jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’każi fejn hemm rimedji oħrajn taħt xi liġi oħra u għaldaqstant, l-Ombudsman jista’ jimxi ‘l quddiem fl-investigazzjonijiet tiegħu dwar l-ilmenti li saru.
Din is-sentenza ġiet wara li l-Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, fetaħ proċeduri legali kontra l-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien Manwel Mallia u s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru Kevin Mahoney minħabba li dawn ma kkoperawx mal-Ombudsman fl-investigazzjonijiet tiegħu.
Il-każ imur lura għal Settembru 2013, sitt xhur wara l-elezzjoni ġenerali, meta kienu saru żewġ eżerċizzji ta’promozzjonijiet; b’numru ta’ Maġġuri jiġu Promossi għal Logutenenti Kurunelli u minn Logotenenti Kurunelli għal Kurunelli. B’riżultat ta’ dawn il-promozzjonijiet, diversi uffiċjali tal-Forzi Armati ilmentaw mal-Ombudsman li sofrew inġustizzja peress li sostnew li ġew maqbuża minn uffiċjali oħra li kellhom ferm inqas seniority, esperjenza u kwalifiki minnhom.
Minkejja talbiet ripetuti, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern irrifjuta kategorikament li jipprovdi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni mitluba mill-Ombudsman.
Il-Qorti twaqqaf lill-Gvern milli jkompli jimmina l-istituzzjonijiet tal-pajjiż – il-PN
Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li b’din id-deċiżjoni tal-Qorti, il-Gvern ta’ Joseph Muscat twaqqaf milli jkompli jimmina l-istituzzjoni tal-Ombudsman.
Il-Partit Nazzjonalista qal li issa jistenna li l-Ministru ma jibqax iwebbes rasu billi jkompli jimmina lill-Ombudsman. Fl-istess waqt, il-Gvern għandu jbiddel ir-rotta ta’ diskriminazzjoni u inġustizzji kontinwi fl-Armata.
Il-Partit Nazzjonalista appella wkoll lill-ħaddiema kollha, inkluż il-membri tal-Forzi Armati, biex jagħmlu kuraġġ u jressqu l-ilmenti tagħhom ta’ diskriminazzjoni u abbuż quddiem l-Ombudsman, li bid-deċiżjoni tal-lum għandu d-dritt u d-dmir li jisma’ l-ilmenti tagħhom.
//= $special ?>