Lokali

Appoġġ mill-GRTU lil żewġ Uffiċjali tagħha

Wara li l-President tal-GRTU Paul Abela u l-Viċi President Philip Fenech tressqu l-Qorti b’akkużi konnessi mal-att vjolenti mwettaq fl-uffiċċji tal-GRTU minn Sandro Chetcuti, li kien instab ħati u kkundannat sentenza sospiża ta’ priġunerija, il-Kunsill Eżekuttiv tal-GRTU ddikjara unanimament l-appoġġ tiegħu lejn Abela u Fenech.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li l-President u l-Viċi President se jżommu l-karigi tagħhom u se jibqgħu jaħdmu biex jiddefendu l-interessi tas-self-employed u n-negozji żgħar u medji f’pajjiżna. Il-GRTU kompliet li qatt mhu se jiġi tollerat li individwi jaġixxu b’mod aggressiv u vjolenti lejn l-impjegati jew l-Uffiċjali tagħha.

L-istqarrija temmet tgħid li l-GRTU mhix se tiġi intimidata minn persuni aggressivi u vjolenti, filwaqt li se tkompli bl-isforzi tagħha u taħdem biex ittejjeb l-ambjent li n-negozji Maltin jaħdmu fih ħalli jitkattar in-negozju li tant hu importanti għall-ekonomija tagħna u għas-sostenn tal-impjiegi.