Il-Ministru tal-Finanzi jgħid li m’għandux xi jħabbar dwar l-Air Malta
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ddikjara li dan hu baġit li fih il-Gvern irid jintaxxa t-traffiku, il-kostruzzjoni u t-tabbak, bil-Ministru Scicluna jenfasizza u jisħaq li fuq dawn m’hemmx apoloġija u li t-traffiku jrid jiġi ntaxxat.
Din id-dikjarazzjoni l-Ministru tal-Finanzi għamilha fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet għall-ġurnalisti meta spjega l-punti ewlenin tal-baġit qabel ma ppreżenta d-diskors tal-baġit fil-Kamra tad-Deputati – l-ewwel baġit li mressaq fil-bini l-ġdid tal-Parlament.
Ma jgħidx kif se jindirizza l-problema tat-traffiku
Mistoqsi mill-ġurnalisti kif il-Gvern f’dan il-baġit se jindirizza l-problema tat-traffiku, u jekk il-Gvern hux se jħabbar proġetti infrastrutturali fit-toroq biex tibda tiġi indirizzata din il-problema, il-Ministru tal-Finanzi wieġeb li d-dħul tal-Gvern is-sena d-dieħla se jkun anqas minn din is-sena minħabba li mhux se jkun qed jirċievi dħul minn fondi mill-Unjoni Ewropea daqs din is-sena.
Il-Ministru Scicluna ma kienx jaf jgġid dwar kemm se tkun in-nefqa tal-Gvern għall-problema tat-traffiku.
Tnaqqis fl-Income Tax biss għal dawk li ma tnaqqsitilhomx it-taxxa fl-aħħar tliet snin
Wara li elenka l-miżuri ewlenin tal-baġit, il-Ministru Scicluna qal ukoll li t-tnaqqis ta’ taxxi se jkun applikabbli biss f’dan il-baġit għal dawk li fl-aħħar tliet snin ma bbenefikawx mit-tnaqqis fl-Income Tax. Min diġà bbenefika bil-pjan li kien inbeda mill-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ tnaqqis fir-rati tat-taxxi, f’dan il-baġit mhux se jibbenefika minn tnaqqis ta’ taxxa.
Lanqas ma wieġeb dwar jekk il-Maltin fil-lukandi hux se jħallsu t-taxxa fuq it-turiżmu
Il-Ministru tal-Finanzi lanqas ma kien jaf iwieġeb lill-ġurnalisti dwar jekk it-taxxa fuq it-turiżmu tapplikax ukoll għall-Maltin li jkunu residenti f’lukandi b’mod partikulari l-Maltin li jitilgħu Għawdex. Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar il-miżura li kull persuna ‘l fuq minn 18-il sena residenti f’lukanda tħallas 50ċ għal kull lejl – liema taxxa l-Gvern qed jistma li jdaħħal bejn ħames u sitt miljun ewro matul is-sena li ġejja.
Quddiem din il-mistoqsija, il-Ministru Edward Scicluna, filwaqt li deher idur fuq il-konsulenti tiegħu preżenti, ikkummenta li dan għad irid ikun diskuss fl-MCESD. It-taxxa fuq it-turiżmu se tidħol fl-1 ta’ April li ġej.
Jammetti li l-Eko-Kontribuzzjoni kienet miżura tajba
Il-Ministru Scicluna ammetta wkoll li l-Eko-Kontribuzzjoni kienet miżura tajba li iżda ma kinitx imħaddma tajba. Hu qal li l-Eko-Kontribuzzjoni issa nbidelt f’taxxa tas-sisa u din se tolqot ic-chewing gums, fliexken tal-plastik u boroż tal-plastik fost l-oħrajn.
Ħalla barra l-miri finanzjarji u ekonomiċi
Kien biss lejn tmiem lejn din il-preżentazzjoni qasira dwar il-miżuri tal-baġit li l-Ministru tkellem dwar il-miri finanzjarji u ekonomiċi tal-Gvern għas-sena d-dieħla, u dan għamlu fuq osservazzjoni tal-media.
Ebda aħbar dwar il-futur tal-Air Malta
Bħalma l-baġit ma indirizzax il-problema tat-traffiku ħlief għad-dikjarazzjoni tal-Ministru li qiegħed jintaxxa t-traffiku billi mhux se jkun qiegħed iraħħas il-prezz tal-petrol u s-sisa skont il-prezzijiet internazzjonali, il-Ministru tal-Finanzi ma kellux lanqas xi jgħid dwar l-Air Malta.
Mistoqsi jekk il-baġit hux se jindirizza s-sitwazzjoni preżenti tal-linja nazzjonali tal-ajru, il-Ministru Scicluna wieġeb li m’għandu xejn xi jħabbar fil-baġit waqt li qal li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Air Malta.
Il-Ministru Scicluna wkoll iddefenda d-deċiżjoni tal-Gvern li jżid it-taxxa fuq is-sisa fuq il-petrol u d-diesel biex ir-roħs fil-prezzijiet internazzjonali ma jgawdux minnhom il-konsumaturi. Il-Ministru qal li jekk inaqqas is-sisa fuq il-petrol u d-diesel, ikun qiegħed jinkoraġġixxi s-sewqan.
Mhux għall-anzjani kollha
Dwar il-miżura li ħabbar ta’ fond pilota ta’ miljun ewro għall-anzjani li jiddeċiedu li jżommu carer magħhom u jingħataw minn dan il-fond nofs il-paga minima tal-carer, il-Ministru tal-Finanzi qal li din l-għajnuna tapplika biss għal min waqt li kien qiegħed jinqara l-baġit kien qiegħed jistenna li jidħol fi djar tal-Gvern.