Il-GRTU esprimiet id-dispjaċir tagħha li proposta li għamlet biex ikun hemm tnaqqis fit-tariffi tad-dawl ma ntlaqgħetx. Sostniet li se tkompli tinsisti biex dawn it-tariffi jitnaqqsu. Fl-istess waqt tilqa’ b’mod pożittiv l-inċentivi immirati biex ikun hemm investiment akbar fl-enerġija alternattiva mis-settur privat.
Il-GRTU laqgħet b’mod pożittiv l-aħbar li investigazzjoni rigward rati ta’ interess u tariffi mill-banek issa hi konkluża u tistenna li jittieħdu passi b’azzjonijiet konkreti. Sostniet ukoll li għad hemm ħafna xi jsir biex azjendi żgħar ikollhom aċċess għal finanzi partikolarment finanzjament li jmur ‘il hinn mill-banek. Saħqet li għandu jinħoloq ambjent li jippermetti lill-azjendi lokali jikkompetu online. Dan hu importanti mhux biss għall-istess azjendi iżda anke għall-iżvilupp tal-ekonomija.
Il-GRTU rrikonoxxiet li numru dwar proposti li għamlet dwar it-traffiku intlaqgħu u sostniet li se tkompli taħdem mal-Ministru konċernat biex ikun hemm aktar inċentivi lis-settur privat biex jinġolqu aktar soluzzjonijiet konkreti għal soluzzjoni dwar il-problema tat-traffiku.
//= $special ?>