Għall-ewwel darba f’pajjiżna se tkun introdotta taxxa fuq it-turiżmu. Waqt il-budget, il-Ministru Edward Scicluna ħabbar din it-taxxa, l-ewwel tat-tip tagħha.
Fid-diskors tal-budget, Edward Scicluna qal li mill-1 t’April 2016, se tiddaħħal din it-taxxa li se titħallas mit-turisti kollha. Biex ma tissejjaħx ‘taxxa’, il-Gvern għażel li jsejħilha “Kontribuzzjoni Ambjentali.”
Din it-taxxa se titħallas mit-turisti kollha, mill-eta’ ta’ 18-il sena ‘l fuq, li jżuru pajjiżna. Din se titħallas bir-rata żgħira ta’ 50ċ għal kull lejl li turist iqatta’ Malta.
Fid-diskors tal-budget, Scicluna qal li bil-flus miġbura minn din it-taxxa ġdida, se jkun qed isir investiment fit-turiżmu. Madanakollu din hija l-ewwel darba li ddaħħlet taxxa ta’ din it-tip.
Meta kien qed jitkellem dwar it-turiżmu, apparti din it-taxxa ġdida, il-Ministru Scicluna ma semma’ l-ebda miżura konkreta biex il-linja nazzjonali tal-ajru tissaħħaħ.
Dan minkejja li mill-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet ‘l hawn, l-Air Malta reġgħet qabdet it-triq tan-niżla, bit-telf kompla jikber sena wara l-oħra. Iżda waqt id-diskors tal-baġit, Edward Scicluna, ftaħar biss li matul is-sena li għaddiet, inbidel l-ikel waqt it-titjiriet u qal li matul is-sena sar reviżjoni tal-kuntratt tal-ikel.
Bir-reviżjoni tal-kuntratt tal-ikel, Edward Scicluna kien qed jirreferi għall-bezzun u n-nofs flixkun ilma li beda jingħata minflok l-ikla li kienet tingħata qabel. Waqt il-budget ma ssemmietx miżura waħda konkreta biex l-Air Malta tissaħħaħ.
F’dak li għandu x’jaqsam in-nofsinhar ta’ Malta, il-Gvern ma ħabbar xejn ġdid u differenti minn dak li tħabbar s’issa, fosthom l-Universita’ mill-Ġordaniżi fuq art ODZ fiż-Żonqor u f’Bormla.
//= $special ?>