Dwar Għawdex il-Baġit 2016 jiddedika żewġ paġni u nofs li fihom jispikka l-aktar il-paragrafu dwar il-permanent link bejn Malta u Għawdex. Kif kien żvelat fl-aħħar jiem, il-Gvern reġa’ lura għall-idea ta’ mina bejn iż-żewġ gżejjer minkejja li b’pompa kbira kien ħabbar li ffirma ftehim ma’ kumpanija Ċiniża biex tagħmillu studju dwar il-possibbiltà ta’ pont. Issa jidher li fallielu l-pjan u reġa’ lura għall-pont tal-Gvern Nazzjonalista, jiġifieri ħela tliet snin lill-Għawdxin.
Tant li fid-diskors tal-baġit, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li dwar il-proġett ewlieni ta’ konnettività għal Għawdex tlesta studju dwar il-vijabbiltà kkummissjonat minn Transport Malta u l-Gozo Business Chamber u dan se jiġi ppubblikat. Dan jikkonkludi li tunnel ikun aktar fattibbli minn pont, u li hemm possibbiltà ta’ interess mill-privat għal dan il-proġett. Issa se jsir studju tekniku u ġeoloġiku biex imbagħad tittieħed id-deċiżjoni li issa ġiet limitata jekk għandhiex issir mina jew le.
Fuq Għawdex, fil-Baġit 2016, il-Ministru Scicluna ħabbar ukoll li s-sit li kien okkupat mill-Malta Dairy Products se jinbidel f’ċentru għal kumpaniji li joffru servizzi innovattivi u kreattivi b’fondi Ewropej, se ssir pixxina bis-sehem tas-settur privat, se tiġi riġenerata Pjazza San Franġisk, u se jkompli x-xogħol ta’ tisbiħ fil-widien u l-bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjiegħ kif ukoll ir-restawr ta’ postijiet storiċi.
Fuq is-saħħa f’Għawdex, jerġa’ jingħad li l-investiment li tħabbar se jkun qed isir mill-Iskola Medika Bart’s u dan se jwassal biex is-sena d-dieħla jiddaħħlu servizzi mediċi ġodda. Bil-Gvern jerġa’ jserraħ ras il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li ħadd mhu se jitlef xogħlu.
Jingħad ukoll li sar progress anke fuq l-istudji dwar l-impatt ta’ green airstrip f’Għawdex li jinvolvi t-teħid ta’ art verġni, u għaddejjin diskussjonijiet mal-konsorzju li ssottometta proposti dwar il-bini ta’ cruiseliner terminal u yacht marina. Se jsiru wkoll studji dwar baga ġdida flok dik li hemm fix-Xlendi.
//= $special ?>