Illejla l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna se jippreżenta l-Baġit tal-Gvern għas-sena 2016 u jagħmel fil-Parlament id-diskors tiegħu.
L-Oppożizzjoni qed tikkonsidra dan il-Baġit bħala test għall-Gvern Laburista dwar jekk hux tassew lest jagħti kas lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, fosthom il-familji bi dħul baxx, il-ħaddiema li jiddependu mill-paga minima u l-anzjani li ma jistgħux jgħaddu bil-pensjoni li qed jirċievu.
L-Oppożizzjoni tingħaqad ukoll mal-korpi kostitwiti li qed jistennew roħs ferm akbar fil-kontijiet tad-dawl la darba pajjiżna issa jista’ jixtri elettriku bi prezz ferm orħos mill-power station tal-BWSC u mill-interconnector.
Minn dan il-Baġit l-Oppożizzjoni qed tistenna wkoll li l-prezz tal-petrol u d-diesel jitraħħas drastikament u immedjatament, u ma jibqax fost l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Illejla mis-6:30pm ‘l quddiem Net Television se jwaslilkom edizzjoni speċjali tal-programm Newsfeed, b’numru ta’ mistiedna fl-istudio, intervisti, kollegamenti live mill-Parlament u analiżi tal-baġit fil-ħin li jkun qed jitħabbar. Radio 101 se jkun qed ixandar ukoll trażmissjoni speċjali, waqt li dan is-sit, Netnews.com.mt, se jkun qed joffri serviz ta’ live blog u aġġornamenti kontinwi ta’ dak li jkun qed jiġri.
Fil-ħarġa ta’ għada tal-ġurnal in-Nazzjon se nkunu qed inwasslu wkoll servizz estensiv kemm tad-dettalji tal-miżuri tal-Baġit kif imħabbra mill-Ministru tal-Finanzi kif ukoll l-ewwel reazzjonijiet tal-Oppożizzjoni u tal-Korpi Kostitwiti, fost oħrajn.
//= $special ?>