Ekonomija Lokali Parlament

It-traffiku żdied minħabba “iktar nies jaħdmu u proġetti ġodda”

Fid-diskors tal-Baġit, il-Ministru tal-Finanzi qal li t-traffiku żdied “minħabba iktar nies jaħdmu, proġetti ġodda u xogħolijiet ġodda” u fl-istess waqt tort tal-Gvern preċedenti “li ma kellux pjan.”
Biex itaffi l-konġestjoni tat-traffiku, il-Gvern se jintroduci tidal system fejn f’toroq li fihom erba’ karreġġjati, tlieta jintużaw għad-direzzjoni fejn l-aktar ikun hemm traffiku skont il-ħin tal-ġurnata. Dwar it-trasport fl-iskejjel, għal sena oħra, ma aċċettax il-proposta tal-Oppożizzjoni li jħallas it-trasport tat-tfal li jmorru fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti li tista’ ttaffi s-sitwazzjoni fit-toroq specjalment fil-ħinijiet kruċjali ta’ filgħodu, iżda “se jkompli jesplora alternattivi f’dan ir-rigward.”
Min-naħa l-oħra jidher li l-Gvern abbanduna l-proposta li saret fis-Sajf li għadda minnu stess li l-iskejjel jibdew siegħa qabel.
Id-deċizjonijiet meħuda fil-baġit jinkludu li ma jkunx hemm iktar minn proġett wieħed maġġuri għaddej fl-istess ħin, Smart Traffic Management System u konsultazzjoni dwar l-użu ta’ trakkijiet u żwiemel fit-toroq u dalwaqt se jittieħdu deċiżjonijiet.
Dwar it-trasport pubbliku, il-Ministru tal-Finanzi qal li filwaqt li ġie deskritt bħala “work in progress, kien hemm titjib fuq is-sistema ta’ qabel” u qed jistenna li n-network il-ġdid kollu jidħol fis-seħħ. Ma ssemma xejn dwar ir-rotot ġodda li kellhom jidħlu fis-seħħ f’erba’ fażijiet sal-aħħar tas-sena li iżda kienu posposti b’mod indefinit sakemm jinħareġ avviż ieħor.