Lokali

Jekk ma niftakarx f’laqgħa jew korrispondenza, ma nistax ngħid li niftakar – Claudio Grech

Jekk ma niftakarx dwar xi laqgħa li ma seħħitx jew xi emails mibgħuta, ma nistax ngħid li niftakar. Iddikjara dan, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech fi stqarrija oħra wara li gazzetta lokali allegat li kien hemm korrispondenza bejn Grech u George Farrugia qabel il-laqgħa tal-2012 li d-Deputat Nazzjonalista semma’ quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC).

Fl-istqarrija, Claudio Grech qal li d-dikjarazzjonijiet li għamel quddiem il-PAC għamilhom b’konvinzjoni għax jemmen li dik kienet il-verità skont li ftakar hu. Hu kkritika lill-Partit Laburista li qed ikompli jinjora l-ispjegazzjoni tiegħu u jrid juża’ l-PAC biex idaħħal lil xi ħadd f’nassa minflok ma toħroġ il-verità.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li f’komunikazzjoni li bagħat liċ-Chairman u s-Segretarju tal-PAC, kif ukoll lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, sostna li għadu ma jiftakarx li kellu laqgħat jew korrispondenza b’emails ma’ George Farrugia qabel l-2012. Qal li anke f’każ ta’ laqgħa bejn it-tnejn, il-fatt li din ma kinitx titratta l-kwistjoni taż-żejt m’għandhiex għalfejn tiġi trattata f’dan il-każ.

Fl-istqarrija tiegħu, Claudio Grech fakkar li l-korrispondenza li rreferiet għaliha l-gazzetta lokali allegatament seħħet disa’ snin ilu, meta kien Kap tas-Segretarjat f’Ministeru. Spjega li jħoss li hu umanament impossibbli tiftakar kull korrispondenza jew laqgħa li kellek, għalkemm jibqa’ jsostni li ma jiftakar bl-ebda korrispondenza kif allegat mill-gazzetta lokali.