Ekonomija Lokali Parlament

Skema għall-anzjani limitata biss għal dawk fuq il-‘waiting list’

Ritratt mill-arkivji

L-anzjani li sad-diskors tal-budget ma kienux fuq il-waiting list biex jidħlu f’dar tal-anzjani, mhux se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skema ntrodotta fil-budget li għandha l-għan li aktar anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom.

Fid-diskors tal-budget, il-Ministru Edward Scicluna ħabbar li qed jiġi propost li jitneida fond pilota ta’ miljun ewro – li minnu, l-familji li għandhom anzjan jew anzjana dipendenti, u li hemm bżonn ta’ kura kostanti, se jkun qed jingħatalhom sussidju meta dawn jimpjegaw carer kwalifikat.

Iżda din il-miżura mhux se tkun miftuħa għall-familji tal-anzjani kollha, iżda għall-familji biss ta’ dawk l-anzjani li sad-diskors tal-baġit kienu fil-waiting list biex jidħlu f’dar tal-anzjani.

Dan ifisser li dawk il-familji b’anzjani dipendenti u li m’humiex fil-waiting list biex jidħlu f’djar tal-anzjani, mhux se jingħataw l-opportunita’ li jingħataw sussidju għall-carer biex b’hekk jibqgħu jgħixu fi djarhom.

Dwar il-pensjonijiet, il-Gvern ħa miżuri li jinkludu żieda fil-pensjoni għall-anzjani fil-faxxa t’isfel nett, iżda m’hu se jkun hemm l-ebda żieda għall-bqija tal-pensjonanti.

Fil-budget tħabbar ukoll tibdil fis-sistema tal-income-tax. Kien Gvern Nazzjonalista li fil-leġislatura li għaddiet beda programm ta’ tnaqqis fl-income-tax biex aktar persuni jinċentivaw ruħhom u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.