Kurżitajiet

Studenti Russi jammettu makabrità

Tliet studenti Russi ammettew azzjoni makabra hekk kif fetħu qabar ta’ anzjana, qalgħu l-katavru minn postu, biċċruh u għallew rasha fil-misħun biex imbagħad jużawha bħala ash tray.

Il-każ seħħ fir-Russja f’Novembru tas-sena li għaddiet imma spiċċa fil-ġurnali internazzjonali fl-aħħar jiem hekk kif it-tliet studenti, ta’ bejn it-18 u l-20 sena, ammettew li qalgħu ras l-anzjana biex jużawha bħala ash tray.

It-tlieta li huma, li qed jistudjaw biex isiru veterinarji, ġarrew il-katavru tal-anzjana lejn id-dormitorju tagħhom fl-Università, fejn qatgħu r-ras u s-subgħajn tal-id u għollew il-bqija. Huma ammettew li s-subgħajn qatgħuhom biex jużawhom f’ritwal marbut mal-qari tax-xorti hekk kif ammettew li kienu interessati fil-maġija s-sewda, u li l-fdalijiet tal-anzjana ħbewhom taħt sodda. Kien għalhekk li nkixfu, meta sħabhom irrappurtaw riħa tinten u qawwija u sejħu lill-Pulizija.

Membri tal-familja tal-anzjana rrabjaw ferm għas-sentenza mill-Qorti, li tathom biss sentenza sospiża biex huma jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom. L-anzjana ta’ 84 sena kienet ilha mejta minn Jannar tal-2014. Il-qraba tagħha qed jitolbu kumpens ta’ 900,000 ruble, jew €13,000.