Qorti

Erin Tanti u Lisa Marie Zahra ma qabżux flimkien – xhud

Fil-Qorti, raġel li kien fl-istess diviżjoni forensika tal-Isptar Monte Karmeli mal-għalliem tad-drama Erin Tanti, xehed li ż-żagħżugħ kien qallu li hu u Lisa Marie Zahra ma kinux qabżu flimkien mill-irdum ta’ Ħad-Dingli.

Tanti, ta’ 24 sena, qed iwieġeb mhux ħati għal diversi akkużi fosthom tal-qtil tal-istudenta tiegħu Lisa Marie Zahra, ta’ 15-il sena, li assistiha biex twettaq suwiċidju, li kellu x’jaqsam magħha sesswalment meta hi kienet taħt l-età u li kellu ritratti indiċenti tagħha.

Zahra nstabet mejta u Tanti midrub, meta t-tnejn ġew innutati taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fid-19 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet.

Ix-xhud, raġel Finlandiż ta’ 28 sena li kien ammetta reat li wettaq, quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, fil-kumplikazzjoni tax-xhieda kontra l-għalliem tad-drama, irrakkonta kif Tanti kien qallu l-istorja tiegħu.

Ix-xhud spjega li hu u Tanti qattgħu jiem fl-istess sala tad-diviżjoni forensika, li kienu jitkellmu kuljum u li Tanti ġieli sellfu l-kitarra tiegħu. Ix-xhud qal li Tanti kien qallu li hu u Zahra kienu marru fuq l-irdum, li hemm kien qed jgħannaqha. “Ma qalx li qabżu flimkien – dan id-dettall baqa’ f’moħħi”, qal ix-xhud hekk kif ammetta li din kienet “sitwazzjoni stramba ħafna” imma qal ukoll li żewġ persuni li jiltaqgħu f’Monte Karmeli ma joqgħodux jistaqsu lil xulxin imma jisimgħu dak li l-ieħor għandu xi jgħid.

Mistoqsi mill-Prosekutur Keith Arnaud jekk Tanti kienx tah raġuni għaliex qabżu, ix-xhud qal li lilu kien intqallu li dan seħħ għax it-tnejn li huma ma setgħux jgħixu bħala koppja f’din il-ħajja u li setgħu jkunu flimkien fil-ħajja l-oħra. Iktar tard, ix-xhud qal li Tanti kien qallu li t-tfajla kienet taħt l-età u li missierha ma kienx japprova r-relazzjoni ta’ bejniethom.

Qal ukoll li Tanti kien qallu li kieku ma qabżux, hu kien iħalli Malta. Mistoqsi għaliex l-ewwel tkellem fil-plural, imbagħad fis-singular, ix-xhud qal li kien innota li Tanti kien l-ewwel tkellem dwarhom it-tnejn imbagħad dwaru nnifsu.

Qal ukoll li Tanti kien spjegalu li kellu pjan ieħor, li kien faddal biżżejjed flus u li kellu l-passaport lest, u li kien se jmur f’post li qatt ma spjegalu x’kien.

Fil-Qorti wkoll, id-Difiża talbet lill-Maġistrat biex il-ħaddiema Filippina fid-dar tal-familja Zahra tintalab tixhed, għax hi meqjusa bħala “xhud importanti” waqt li talbet ukoll biex issir analiżi psikoloġika u jinħoloq il-profil psikoloġiku ta’ Zahra, mid-dokumenti esibiti mill-espert tal-informatika u mid-djarju tat-tfajla.

Għal Tanti dehru l-avukati Michael u Lucio Sciriha waqt li l-avukati Steve Tonna u Giannella de Marco dehru parti ċivili għall-familja Zahra.