Ambjent

Multa ta’ €8,000 għal insib illegali, titneħħielu l-liċenzja għal ħajtu

Nassab Għawdxi kellu l-liċenzja tiegħu ta’ kaċċa u ta’ nsib revokata għal ħajtu u ngħata multa rekord ta’ €8,000 wara li nqabad jonsob illegalment qrib San Lawrenz f’Għawdex.

Il-każ kien irrappurtat lill-Pulizija mit-tim tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) meta seħħ fit-23 ta’ Marzu wara li voluntiera raw u ħadu ritratti tar-raġel iħaddem nassa u jgħajjat lil għasafar b’apparat elettroniku biex jattira l-isponsuni.

CABS qalet li r-raġel kiser il-liġi kemm-il darba u għandu mill-inqas kundanna waħda ta’ nsib illegali.

Il-president ta’ CABS, Heinz Schwarze, laqa’ l-verdett u qal li dan jibgħat messaġġ ċar u qawwi li s-soċjetà mhix se tittollera l-azzjonijiet ta’ kaċċaturi jew nassaba li jiksru l-liġi. CABS qalet li l-multa hi probabli l-ogħla waħda fl-istorja ta’ Malta għal każ waħdu ta’ nsib illegali.

CABS ħabbret ukoll li wara l-ftuħ kontroversjali tal-istaġun tal-insib f’Ottubru, hi se ssegwi s-sitwazzjoni bi tliet timijiet sa Diċembru u se tirrapporta kull każ ta’ nsib illegali lill-Pulizija. Fiona Burrows minn CABS qalet li f’każ li l-istaġun jingħalaq minħabba embargo temporanju mill-Kummissjoni Ewropea, l-għaqda se tkun hemm biex tara li dan jiġi osservat.