Il-President Russu Vladimir Putin ilmenta li meta staqsa lill-Amerikani għal informazzjoni li għandhom dwar l-ISIS fis-Sirja, huma rrifjutaw li jikkooperaw u l-istess seħħ meta talabhom informazzjoni dwar il-postijiet li jemmnu li r-Russi m’għandhomx jattakkaw.
Dan hekk kif qed ikomplu l-isforzi bejn ir-Russi u l-Amerikani biex ikun hemm koordinament akbar bejniethom.
Dan hekk kif it-tnejn li huma qed iwettqu attakki mill-ajru fis-Sirja u għal ftit ma kienx hemm ħabta bejn ajruplani militari taż-żewġ pajjiżi. Imma l-Ministeru tad-Difiża Russu qal li l-ajruplan Russu kien biss qrib dak Amerikan biex jidentifikah.
Sadattant, fis-Sirja, ġellieda tal-ISIS kienu mdaħħla fi ġlied ma’ gruppi rivali madwar il-belt strateġika ta’ Aleppo. Dan fl-istess ħin li l-Armata Sirjana qed tlesti għal offensiva kbira bl-appoġġ ta’ suldati Iranjani li daħlu fil-pajjiż u l-ajruplani Russi stazzjonati fil-pajjiż.
Is-Russja ta’ kuljum qed twettaq diversi attakki mill-ajru kontra l-ISIS fis-Sirja. L-Erbgħa matul il-ġurnata, il-Ministeru tad-Difiża Russu ħabbar li f’24 siegħa kienu twettqu 41 attakk mill-ajru li kellhom fil-mira 40 post użat mill-ISIS fis-Sirja. Fil-mira kien hemm postijiet tal-ISIS f’Aleppo, Hama, Idlib, Latakia u Deir ez-Zor.
Ajruplani Russi tat-tip Sukhoi Su-34, Su-24M u Su-25SM qed jużaw il-bażi tal-ajru Sirjana ta’ Khmeimim għall-attakki kontra l-ISIS.
Ebda kooperazzjoni Amerikana mar-Russi dwar is-Sirja
