Jennifer Connell, ta’ 54 sena minn New York, tilfet kawża għad-danni li fetħet kontra n-neputi tagħha li għandu tmien snin.
Dan għaliex meta marret għall-festin ta’ għeluq żmienu, meta mar jifraħ biha, tant feraħ li waqqagħha u kisret il-polz. Connell qalet li dan il-fatt issa għamlilha ħajjitha diffiċli u għalhekk riedet is-somma ta’ 127,000 dollaru bħala ħlas għal danni.
Hi qalet lill-Qorti li kienet tħobb lin-neputi imma dan kellu jħallas ta’ għemilu.
Il-Qorti ħadet anqas minn nofs siegħa biex iddeċidiet li Connell ma kellhiex każ u ma kellha dritt għal ebda ħlas. Meta nqrat is-sentenza, it-tifel, li issa għandu 12-il sena, ma kienx preżenti fil-Qorti għalkemm kien mar fil-bidu ma’ missieru waqt is-smigħ peress li ommu mietet is-sena li għaddiet.