Kurżitajiet

Forsi sabu l-belt biblika ta’ Sodoma

Arkeologi li kienu qed jesploraw art f’Tall el Hammam qalu li sabu fdalijiet ta’ belt li jixbhu ħafna lid-deskrizzjonijiet tal-belt biblika ta’ Sodoma. Skont il-Ktieb tal-Ġenesi, il-belt kienet inqerdet f’xita ta’ nar għaliex kienet mifnija mid-dnub u l-ħażen flimkien ma’ Gomorra.
Steve Collins, professur tal-istudji bibliċi minn Trinity Southwest University fl-Istati Uniti, u l-arkeologu li ilu jmexxi t-tiftix fiz-zona mill-2005, qal li nstabu palazzi u fortifikazzjonijiet impressjonanti madwar il-belt. Imma minn dak li nstab, il-ħajja fil-belt għebet ħesrem u l-belt baqgħet abbandunata.
It-tħaffir fiz-zona għadu għaddej u Collins qed jittama li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jitwaddab dawl fuq il-passat ta’ din il-belt u jekk hix verament Sodoma.
Collins, iżda, qal li minn dak li nstab s’issa hu konvint li fl-aħħar instabet Sodoma.