Qorti

George Tabone tal-Gram illiberat mill-akkużi li xtara deheb misruq

Il-Qorti illiberat lil George Tabone, ta’ Gram Collections, mill-akkuża li laqa’ għandu jew xtara deheb misruq, b’valur ta’ €350,000. Tabone kien dejjem ċaħad l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Il-każ jorbot ma’ serqa li kienet saret fi Piazza Antiques, fil-Belt Valletta fl-2011. Glen Debattista, wieħed minn tliet ħallelin ta’ din is-serqa, kien qal lill-Pulizija li wara s-serqa kienu marru f’dar fejn qasmu d-deheb, imbagħad, f’erba’ darbiet separati, hu kien ħa sehemu lil George Tabone ta’ Gram Collections, f’ħanut f’Birkirkara. Kien allega li Tabone kien jitfi kull darba l-cameras tas-sigurtà u li kien jaf li d-deheb li kien qed jixtri kien wieħed misruq.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Micallef Trigona, qieset ix-xhieda ta’ Debattista, li kien wieħed mix-xhieda prinċipali, bħala mhix kredibbli. Tat kunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li ħadd mill-ħaddiema ta’ Tabone ma ra lil Debattista fil-ħanut ibiegħ id-deheb misruq lill-akkużat u li ma kienx hemm biżżejjed provi għal dak li allega Debattista. Il-Qorti qalet ukoll li ma nstab xejn għand Tabone li seta’ kien marbut mal-każ tas-serqa.

F’Awwissu tal-2011, Alfred Borg kien ġie mgħarraf mill-Pulizija li kienet saret serqa fil-ħanut tiegħu tad-deheb. Malli mar fil-post, għamel lista tal-oġġetti misruqa iżda s’issa baqa’ ma nstab xejn. Id-deheb misruq kien ikkalkulat li kellu valur ta’ iktar minn €500,000.