Spiża ta’ eluf ta’ ewro fi propaganda bil-Ministru Mizzi jammetti li l-iskema ‘tallinja card’ hi kumplessa
Il-Gvern baqa’ ma jridx jippubblika l-kuntratt li permezz tiegħu l-Gvern lejn l-aħħar tas-sena l-oħra ftiehem mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon S.L. għat-tħaddim tas-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna.
Fil-Parlament, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi għal darb’oħra reġa’ rrifjuta t-talba tax-Shadow Minister Marthese Portelli biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt bejn il-kumpanija Spanjola u l-Malta Public Transport Services (Operations) Limited. L-appell lill-Gvern biex jippubblika l-ftehim sar ukoll mill-Oppożizzjoni fid-dibattitu li sar il-ġimgħa li għaddiet dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni dwar il-problema reali tat-traffiku u l-falliment tar-riforma li qiegħed iwettaq dan il-Gvern fit-trasport pubbliku.
Dan minkejja li fl-ewwel jiem ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-Ministru Mizzi kien wiegħed li se jippublika l-kuntratt fl-ewwel jiem li fih kellu jibda jiltaqa’ l-Parlament minħabba li dak iż-żmien il-Parlament kien wieqaf għall-festi tal-Milied u s-sena l-ġdida.
Fit-tweġiba li ta llejla fil-Parlament, il-Ministru Joe Mizzi rrifera għat-tweġiba li kien ta lill-istess Shadow Minister Marthese Portelli ħames xhur ilu, meta f’Mejju li għadda kien qal dak li kien ilu jgħid tul din is-sena, li l-kuntratt jippubblikah fil-mument opportun.
Eluf jintefqu fi propaganda għat-trasport pubbliku
Meta wieġeb bil-mimktub aktar mistoqsijiet tax-Shadow Minister, il-Ministru Mizzi qal li matul din is-sena Transport Malta diġà nefqet aktar minn €114,300 fi spejjeż relatati mas-servizz tat-trasport pubbliku, flimkien mat-€30 miljun li qiegħed jagħti l-Gvern f’sussidju lill-kumpanija Spanjola, sussidju li hu tliet darbiet aktar minn dak li kienet tingħata l-Arriva.
Aktar minn €40,300 ntefqu f’servizzi ta’ surveying u s-somma ta’ €26,398 fi spejjeż ta’ marketing u reklamar. Jirriżulta wkoll li wara li l-Ministru Mizzi ma kienx wieġeb mistoqsija dwar min hi l-kumpanija li ngħatat l-istampar tal-ktieb li ntbagħat fid-djar kollha t’Għawdex minn Transport Malta dwar ir-rotot il-ġodda, illejla wieġeb li x-xogħol ta’ stampar sar mill-kumpanija Velprint wara sejħa għall-offerti.
200 persuna għadhom ma rċevewx ‘tallinja card’
Il-Ministru Joe Mizzi ammetta wkoll li s-sistema ‘tallinja card’ hi kumplessa u li tiddependi minn numru ta’ fatturi differenti. Minn meta ssir ir-reġistrazzjoni għal ‘tallinja card’ sakemm jiġu stampati u jintbagħtu bil-posta, hemm perjodu ta’ 15-il ġurnata.
Jirriżulta wkoll li hemm madwar 200 persuna li għadhom ma rċevewx ‘tallinja card’.
//= $special ?>