Id-dibattitu dwar il-baġit fil-Parlament ikompli nhar it-Tnejn filgħaxija bid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni li f’sagħtejn jelenka u jispjega r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għall-Baġit 2016.
L-għada t-Tlieta, il-Prim Ministru jwieġeb għar-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Mill-għada, l-Erbgħa filgħodu, il-Parlament jibda maratona ta’ seduti twal biex jiġu approvati l-voti għall-15-il Ministeru.
Il-Ministeru tat-Turiżmu se jkun l-ewwel li se jiġi diskuss matul is-seduta ta’ filgħodu. F’seduta waranofsinhar li tibda fis-2pm, se jiġi diskuss il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u filgħaxija l-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali.
Il-Ħamis se jiġu diskussi s-setturi tal-Enerġija u s-Saħħa f’seduta li tibda fid-9am u tibqa’ sejra sas-2.30pm. Filgħaxija jkun imiss il-Ministeru tal-Intern.
Il-Ġimgħa wkoll isiru tliet seduti parlamentari. Filgħodu l-Parlament se jiddibatti l-Ministeru tad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Drittijiet Ċivili; waranofsinhar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u filgħaxija l-Affarijiet Barranin.
Is-Sibt filgħodu wkoll se ssir seduta parlamentari biex jiġi diskuss il-Ministeru tad-Deputat Prim Ministru responsabbli mit-twettiq tal-manifest elettorali.
Id-dibattitu jkompli t-Tnejn u t-Tlieta, 26 u 27 ta’ Otutbru, bi tliet seduti f’kull ġurnata. It-Tnejn jiġu diskussi l-qasam tal-Ġustizzja u l-Kunsilli Lokali; Għawdex u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Fl-aħħar ġurnata tat-Tlieta jsir id-dibattitu dwar l-Ambjent, l-Ekonomija u l-l-Finanzi.
//= $special ?>