Internazzjonali

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq ma jafdax aktar lill-oħtu bis-sigurtà personali

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong Un, neħħa r-responsabbiltà għas-sigurtà tiegħu minn idejn oħtu wara sensiela ta’ ‘inċidenti’ li nqalgħu waqt numru ta’ vjaġġi fil-pajjiż.

Kim Yo Jong, ta’ 26 sena, mhux talli kienet fdata bis-sigurtà ta’ Kim Jong-un iżda kienet anki qed tippromwovi lill-mexxej f’għajnejn il-pubbliku. Jaħsbu li d-deċiżjoni biex hi titwarrab ittieħdet wara li Kim Jong Un kważi ntlaqat f’wiċċu b’kitarra minn mużiċista ħerqan biex jiltaqa’ miegħu ‘u li spiċċa mitluf f’dagħdigħa ta’ entużjazmu’.

Kien hemm anki okkażjoni fejn Kim Jong-un spiċċa mdawwar miż-żgħażagħ waqt festival li kien sar f’Mejju. Dakinar il-folla tat salt fid-direzzjoni tiegħu, bin-nies jaqbdu lill-Mexxej komunista minn dirgħajh u jdejh waqt li l-uffiċjali tal-Partit ftit setgħu jagħmlu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Fil-fatt, kellhom jintervjenu l-bodyguards militari ta’ Kim sakemm irritornat il-kalma.

Sadanittant, Kim Yo Jong, sa ftit ilu, kienet qed tmexxi d-Dipartiment tal-Propaganda tal-Partit Komunista tal-Korea ta’ Fuq, li, fost oħrajn, jikkonsolida ‘proġetti għall-qima ta’ Kim Jong-un’ fil-pajjiż. Hi organizzat rallies kbar f’unur ħuha waqt li aċċertat (fi kliem osservaturi barranin) li l-poplu tal-Korea ta’ Fuq ‘ma jarax ħlief propaganda favur ir-reġim u l-Familja Ewlenija li qed tmexxi l-pajjiż.

Minbarra dan, Kim Yo Jong kienet inkarigata bil-‘programmi ta’ kuljum’ ta’ ħuha, li jinkludu ‘kull dettall tal-moda u anki l-istil ta’ xagħru’. Minbarra dan hi ħadet ħsieb l-arranġamenti għal meta l-plejer u leġġenda tal-basketball Amerikan, Dennis Rodman, kien għamel żewġ żjarat fi Pyongyang.