Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna llejla kkoreġa l-iżball li għamel fil-Parlament meta nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament poġġa dokument tal-Baġit li kien il-working document tal-baġit u mhux id-dokument tal-baġit li jiġi ppreżentat mill-Gvern u li jkun isegwi d-diskors tal-Baġit. Dan id-dokument żbaljat kien ukoll stampat, tqassmu xi kopji fil-Parlament, u kien ukoll ittella’ fuq il-websajt tal-Gvern.
Il-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ddikjara, f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta tal-lejla, qal li wara li l-Whip tal-Gvern ammetta fis-seduta tal-bieraħ li l-Gvern kien ressaq dokument żbaljat fil-Parlament, il-Ministru tal-Finanzi issa jrid jew iressaq mozzjoni u jiġi sostitwit id-dokument tal-Baġit li poġġa bi żball wara li qara d-diskors tal-Baġit, jew ipoġġi d-dokument korrett u ssir nota li tagħmel riferenza għal dan l-iżball.
Wara li nqara dan ir-ruling, il-Ministru tal-Finanzi poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra d-Dokument li jaqbel mad-diskors tal-baġit u kien irtirat id-Dokument li tpoġġa bi żball nhar it-Tnejn.
Nhar it-Tlieta filgħaxija, l-Oppożizzjoni nsistiet fil-Parlament biex il-Gvern jiddikjara fil-Parlament liema hu l-baġit li ppreżenta għall-2016 minħabba li d-diskors li nqara u d-dokument tal-Baġit li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi mad-diskors, kienu differenti għaliex jitkellmu fuq miżuri differenti.
Din l-insistenza tal-Oppożizzjoni tressqet għall-attenzjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia u tal-Parlament minħabba li fil-bidu tas-seduta tal-bieraħ stess, il-Parlament approva l-minuti tas-seduta tat-Tnejn filgħaxija u għalhekk approva dak kollu li seħħ u li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra meta tressaq il-Baġit. Dan ifisser li l-Kamra approvat żewġ dokumenti tal-Baġit differenti u b’diskrepanzi mhux żgħar.
L-Oppożizzjoni talbet lill-Ispeaker jagħti ruling dwar din id-diskrepanza u d-dokument żbaljati li tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u jagħti ruling dwar il-validità tad-dokumenti tal-Baġit.
Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker qal li fin-nuqqas li r-regolamenti tal-Parlament ma jirriferu xejn dwar dokumenti li jitpoġġew bi żball, hu mexa skont il-proċeduri u regolamenti tal-House of Commons tar-Renju Unit.
//= $special ?>