“Inti għandek passport lest għal ġenna”; miftuħa wirja ta’ akwarelli

Dan kienet l-bxara li l-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici għadda lil Paul Caruana waqt il-ftuħ ta’ wirja ta’ akkwarelli msejħa Dear Younger Me ġo Palazzo de Piro fl-Imdina ftit jiem ilu. Tħabbira li intlaqgħet b’ċapċip u tbissima mill-mistednin.

Dr Mifsud Bonnici kien għadu kif ikkwota silta mill-vanġelu ta’ San Mattew fejn jirrakkonta kif darba Ġesù talab lil ta’ madwaru: “Ħallu lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi għaliex tagħhom hija s-saltna tas-sema.”

Kien dal-passaġġ li nibbex lil Dr Mifsud Bonnici ‘jiżvela’ li Caruana “għandu passaport lest għal ġenna”.

Dr Mifsud Bonnici li kien akkumpanjat mill-mara tiegħu, Ġemma qal li Caruana mhux biss jiftakar sewwa l-aħjar żmien ta’ ħajtu bħala tifel imma kapaċi jpinġi – b’ċerta dettal li jnissillek nostalġija – dawk l-episodji li b’xi mod immarkawlu ħajtu. M’huwiex it-tifel li qed ipinġi, imma t-tifel qed jitpinġa.

Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa l-aħħar t’Ottubru mit-Tnejn sal-Ħadd mill-10 am ’l quddiem.

“L-episodji li pinġa Paul Caruana – li jfakkru l-ħajja ġo Strada San Giuseppe u d-Diju Balli, il-Belt daqs ħamsin sena ilu – niftakarhom jiena u oħrajn bħali fi bliet u irħula oħra fejn trabbejna.

“Tifkiriet li mhux biss juri l-bidliet soċjali kbar li għadda minnhom pajjiżna imma ukoll x’tip ta’ seħer kellu dak iż-żmien. It-tpinġijiet m’humiex naive. Altru minn hekk ilgħaliex fix-xogħolijiet ta’ Caruana dak li jidher sempliċi mad-daqqa t’għajn huwa kumment fin u ironiku dwar kif kienet tgħix il-maġġoranza tan-nies dik il-ħabta.”

Dr Mifsud Bonnici ikkwota ukoll parti mill-poeżija Żgħorija li fiha Ġan Anton Vassallo jitniehed “O żmien ħelu, kif għaddejtli, żmien ta’ meta kont bla ħtija. It-tifkira biss ħallejtli biex il-għira nħoss għalik”. Poeżija popolari kif deher meta ħafna mill-mistednin lissnu l-kliem qishom qed jaqraw dik l-għanja minn ktieb tal-kant.

Wara d-diskors tal-ftuħ tal-wirja, Paul Caruana u martu Catherine ippreżentaw akkwarell, xogħol tal-istess Caruana lil President Emeritu.