“Jekk tordnali nħalli dari, niġi norqod wara l-bieb ta’ darek” – kien b’dan il-kliem li Vincent Martin Carabott, li għandu 57 sena u hu Uffiċjal tal-Edukazzjoni, indirizza lill-Maġistrat Josette Demicoli.
Il-Maġistrat qieset li dan il-kliem kien meqjus sew u ntenzjonat bħala theddida bl-għan li jinfluwenza l-ġudizzju tagħha. Hu saħansitra akkuża lill-Maġistrat li kienet nieqsa mill-imparzjalità. Kien għalhekk li Carabott ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn u weħel multa ta’ €1,200.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Maġistrat Demicoli wissiet lill-akkużat li jekk ma jaqbilx ma’ deċiżjoni hemm il-mezzi biex jappella, imma dan ma jfissirx li jista’ jitfa’ akkużi ta’ korruzzjoni.
Filwaqt li Carabott insista li kliemu ma qalux b’theddida, il-Maġistrat Demicoli kompliet li “d-dar ta’ dak li jkun hu l-post fejn in-nies isibu sigurtà. Li tgħid lil xi ħadd li se torqod wara biebu hi theddida diretta għas-sigurtà tiegħu, intiża biex tbeżża’ lil dak li jkun u tillimitalu l-libertà.
F’Jannar li għadda Carabott kien diġa’ nstab ħati li hedded lill-Imħallef Abigail Lofaro fil-bini tal-Qorti.
//= $special ?>

