Fid-diskors tal-budget ta’ nhar it-Tnejn, il-Gvern mhux talli ta ftit lin-nies u ħafna lil ta’ madwaru, talli issa sar magħruf li kien se jagħti iktar imma reġa’ bdielu fl-aħħar mumenti.
Hekk sostna l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal li kien hemm ‘il fuq minn 50 proposta li kienu fid-Dokument tal-Bagit li iżda tneħħew fl-aħħar jiem fid-diskors tal-budget.
Dawn il-miżuri huma mifruxa fuq diversi setturi fosthom l-intern, il-politika soċjali, l-ambjent, is-saħħa, it-trasport, l-enerġija u Għawdex.
Beppe Fenech Adami semma wħud mill-proposti fil-qasam tal-intern li tiegħu hu Shadow Minister. Fost il-proposti li kien hemm fid-dokument u li sparixxew mid-diskors hemm proposta ta’ investiment qawwi fit-tagħmir, l-infrastruttura u taħriġ fil-Korp tal-Pulizija.
Proposta oħra hi dwar żieda qawwija ta’ Pulizija f’zoni turistiċi li għebet mid-diskors tal-budget. Beppe Fenech Adami fakkar li fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena, kien hemm 3,484 rapport ta’ serq f’sitt lokalitajiet turistiċi ewlenin. Hu wissa li meta l-Gvern jixxaħħaħ mal-Pulizija, ir-riżultat inevitabbli hu li l-kriminalita’ terfa’ rasha.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qalet li anki fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha hemm numru ta’ miżuri li kienu iktar vantaġġjużi li kienu fid-dokument tal-budget iżda li sparixxew mid-diskors finali.
Proposta għas-settur privat li m’għadhiex hemm kienet il-possibilita’ li tintuża kapaċita’ addizzjonali fl-interconnector, li l-prezz tiegħu hu ferm irħas.
Anki l-proposta taċ-ċumnija tal-Power Station ta’ Delimara, li ntqal fid-dokument li se titneħħa, tneħħiet mid-diskors tal-budget.
Min-naħa tagħha ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, qalet li f’temp ta’ ftit jiem, il-proposta dwar assistenza finanzjarja għall-istudenti Għawdxin tnaqqset b’iktar min-nofs; minn €800 li kienu proposti fid-dokument tal-budget għal €300 fid-diskors tal-budget.
B’differenza ta’ miżuri oħrajn li tnaqqsu, il-miżura li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-bolla minn 40 għal 41 sena, ma kinitx fid-dokument tal-budget iżda iddaħħlet fl-aħħar minuta fid-diskors tal-budget.
//= $special ?>

