Internazzjonali

L-immigrazzjoni se tiddomina s-summit tal-UE

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, li jirrappreżenta l-pajjiżi membri, qal li l-faċilità li biha wieħed seta’ jidħol fl-Ewropa kienet waħda mir-raġunijiet għaliex hi attrazzjoni daqshekk kbira għall-immigranti.
F’ittra li bagħat lill-mexxejja bi tħejjija għas-summit ta’ din il-ġimgħa, Tusk, li hu eks-Prim Ministru Pollakk, qal li wara li tgħaddi x-xitwa, l-Ewropa trid tlesti għal mewġa oħra ta’ immigranti li jistgħu jlaħħqu l-miljuni.
Tusk qal li wara li d-dħul tal-immigranti mistenni jbatti fix-xhur tax-xitwa, hekk kif tidħol ir-rebbiegħa, l-Ewropa trid tkun lesta għaliex hemm il-possibbiltà li n-numru ta’ nies li se jippruvaw jidħlu fl-Ewropa se jkun akbar minn ta’ dawn l-aħħar xhur.
Fl-ittra, Tusk jelenka l-punti ta’ diskussjoni għas-summit u qal li dawn għandhom jagħfsu biex jissaħħu l-fruntieri esterni tal-UE kif ukoll biex ikun hemm sistema ta’ għassa mal-fruntieri tal-UE.
Fuq is-sistema ta’ kenn tal-UE skont il-ftehim ta’ Dublin, li jiddetermina min hu responsabbli għal min jitlob il-kenn fl-UE, Tusk qal li fis-summit għandu jkun diskuss jekk dan hux se jinżamm kif inhu jew hux se jkun hemm alternattiva.