Lokali

“L-uffiċjali tas-sigurtà tal-Isptar baqgħu jħarsu waqt li Pulizija safa’ aggredit”

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija lmentat li l-uffiċjali tas-sigurtà tal-isptar Mater Dei baqgħu jħarsu u ma ntervjenewx meta l-Kuntistabbli Eman Cilia kien qed jiġi aggredit minn pazjent li ddaħħal għall-kura minħabba l-abbuż tad-droga.

Cilia, li ilu membru tal-Korp għall-aħħar 26 sena u hu stazzjonat fl-Isptar Mater Dei, ġie attakkat minn pazjent li rrifjuta li jieħu l-kura. F’waqt minnhom il-pazjent qabad jagħti bil-ponn lill-Kuntistabbli u saħansitra rnexxielu jattakkah b’siringa.

Imma waqt li kien qed jiġi attakkat, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija lmentat li kien biss sewwieq tal-ambulanzi li mar jassistieh.

Filwaqt li wriet solidarjetà mal-uffiċjal, l-Assoċjazzjoni staqsiet għaliex kien hemm biss uffiċjal tal-Pulizija wieħed u esprimiet id-diżappunt tagħha li ħadd mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-isptar ma marru jgħinuh.

“Kif jista’ xi ħadd jara Pulizija jissawwat u jibqa’ ċċassat mingħajr ma jipprova jgħin? Jista’ xi ħadd jispjega r-rwol tal-uffiċjali tas-sigurtà fl-isptar?” staqsiet l-Assoċjazzjoni.