Passiġġier li juża ta’ spiss il-karozzi tal-linja lmenta mal-Malta Public Transport li ta’ kuljum dawn qed jitgħabbew b’iktar nies milli suppost, ħafna minnhom bilwieqfa għall-vjaġġ kollu, bil-konsegwenza li jekk iseħħ inċident ma jkunux koperti bil-polza tal-assigurazzjoni.
Fl-ittra tiegħu Albert Jerome Fenech ilmenta li jekk jiġri inċident, dan se jkollu konsegwenzi gravi imma l-passiġġieri ma jkunux jistgħu jfittxu lill-kumpanija bil-Qorti.
Spjega li għall-aħħar tlett’ijiem rikeb tal-linja mit-terminus tal-Qawra fis-06:00, minn fejn telqet mimlija u din waslet Birkirkara bi kważi 50 passiġġier bilwieqfa. “Minkejja dan is-sewwieq kien qed jordna lill-passiġġieri kontinwament biex jersqu lura,” jispjega l-passiġġier fl-ittra tiegħu.
Iktar minn hekk dan il-passiġġier spjega li f’ħin minnhom tela’ kunduttur ta’ Transport Malta li minflok widdeb lix-xufier li għabba iktar milli suppost, skont hu qagħad bilwieqfa maġenbu jitkellem miegħu.
Filwaqt li fl-ittra kkopja lill-Ministru tat-Trasport u lill-kumpanija tal-assigurazzjoni li tkopri tal-linja, il-passiġġier fisser is-sitwazzjoni bħala waħda tal-mistħija, talab li tittieħed azzjoni b’mod immedjat għaliex il-passiġġieri “qed jiġu trattati bħal baqar u ħnieżer mgħobbija fit-trakkijiet.”
//= $special ?>