Patri jitressaq il-Qorti akkużat li kkorrompa tliet subien

Patri ta’ 44 sena, inżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati meta kien akkużat fost oħrajn li kkorrompa tliet subien taħt l-eta’.

Fr Donald Bellizzi, li hu l-kappillan tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli akkużat li bejn l-2010 u l-2013 ikkorrompa tliet subien taħt l-eta’, li ħa sehem f’atti sesswali magħhom u li kellu fil-pussess tiegħu materjal pornografiku ta’ minuri. Illum il-ġurnata il-vittmi għandhom bejn 18 u 19-il sena.

Id-difiża, immexxija mill-Avukat Giannella de Marco qalet li l-akkużat qed jiċħad bl-iktar mod qawwi l-akkużi miġjuba kontrih u talbet li jingħata l-liberta’ proviżorja. Madanakollu, il-prosekuzzjoni, rappreżentata fost oħrajn mill-Ispettur John Spiteri, oġġezzjonat minħabba li x-xhieda huma vulnerabbli u jista’ jkun hemm tbagħbis tal-evidenza.

Il-Maġistrat Demicoli ċaħdet it-talba tad-difiża propju minħabba l-possibilita’ ta’ tbagħbis fl-evidenza. Kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża talbu li ma jkunux ippubblikati l-isem tal-vittmi u tal-akkużat rispettivament.

Filwaqt li l-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni minħabba l-vulnerabbilita’ tal-vittmi, min-naħa l-oħra ma laqgħetx it-talba tad-difiża li ma jixxandarx l-isem tal-akkużat li argumentat li l-publikazzjoni ta’ ismu jista’ jkollha effett fuq il-ġenituri tiegħu li t-tnejn huma anzjani u fi stat fraġli ta’ saħħa.

Sadanittant, fi stqarrija separata, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u Adulti Vulnerabbli kienet għaddiet dan il-każ lill-pulizija għall-istħarriġ. L-istqarrija tkompli li mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li kull persuna hi innoċenti sakemm tinstab ħatja, u irrispettivament mill-eżitu tal-proċeduri fil-Qorti, il-Kurja ħadet azzjoni biex ikun salvagwardjat kulħadd. Dan sar b’konsultazzjoni mal-Provinċjal tal-Ordni Reliġjuża.