Fil-Baġit 2016 il-Gvern ħabbar taxxa ġdida tas-sisa fuq l-ilma bbottiljat, xarbiet mhux alkoħoliċi, chewing gum, u boroż u basktijiet tal-plastik minflok l-eko-kontribuzzjoni
Id-Dipartiment tad-Dwana kkonferma dak li ħabbar il-Gvern fil-Baġit 2016 u ħareġ avviż lill-importaturi u lill-produtturi tal-oġġetti ġodda li fuqhom iddaħħlet it-taxxa tas-sisa b’seħħ mill-għada tal-baġit.
Dawn, qal id-Dipartiment fl-istqarrija, jinkludu l-ilma bbottiljat, xarbiet mhux alkoħoliċi, chewing gum u boroż u basktijiet tal-plastik minflok l-eko-kontribuzzjoni.
Id-Dipartiment avża li d-dazju tas-sisa jista’ jitħallas taħt żewġ proċeduri. Jew meta l-oġġetti jiġu impurtati f’Malta u dawn jiġu rilaxxati bil-proċess dirett, inkella fi żmien 90 ġurnata mid-data ta’ rilaxx għall-konsum minn ġewwa maħżen tas-sisa taħt sospensjoni mit-taxxa.
Dwar l-ewwel proċedura, l-importaturi għandhom jgħaddu d-dikjarazzjoni tagħhom fis-sistema elettronika tad-Dwana, irrispettivament minn fejn ġej l-oġġett, u jħallsu s-sisa dovuta minnufih.
Dwar it-tieni proċedura, l-importaturi għandhom jgħaddu d-dikjarazzjoni biex ikunu jistgħu jaħżnu l-merkanzija tagħhom u b’hekk l-oġġett ikun jista’ jiġi maħżun fl-imħażen tas-sisa taħt it-taxxa sospiża, imbagħad iħallsu s-sisa dovuta 90 ġurnata mid-data ta’ rilaxx għall-konsum.
Id-Dipartiment qal li hu mifhum li din tal-aħħar hija probabbli l-aktar proċedura vantaġġjuża għall-importaturi u b’hekk wieħed jassumi li l-importaturi se jagħżlu li joperaw biha.
Produtturi lokali għandhom jadottaw it-tieni proċedura, jiġifieri għandhom japplikaw għal-Liċenzja ta’ Kustodju ta’ Maħżen tas-Sisa.
Id-Dipartiment avża lil dawk l-importaturi li jixtiequ japplikaw għal din il-liċenzja, anke jekk diġà għandhom il-Liċenzja ta’ Maħżen tad-Dwana, biex immedjatament jikkuntattjawh ħalli jibdew il-proċedura għar-reġistrazzjoni.
Id-Dipartiment tad-Dwana fakkar li s-Sezzjoni tas-Sisa toffri s-servizzi tagħha lill-importaturi anke s-Sibtijiet mit-8am sa 12pm.
//= $special ?>