Qorti

Sitt Kroati jammettu li kkawżaw ħsara u wettqu vjolenza f’Paceville

Grupp ta’ Kroati li kienu f’pajjiżna biex jassistu għall-partità tal-bieraħ bejn il-Kroazja u Malta ammettew quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li kienu nvoluti fi ġlieda etnika, li wettqu ħsara ta’ €5,870 f’Paceville, attakkaw Serb, inċitaw grupp ta’ persuni oħra, waddbu oġġetti u li nsultaw persuna.

Il-Kroati huma Ivan Janjetic, Igor Valec u Dalen Cekada li huma bla xogħol, il-ħaddiem ta’ fabbrika Denis Danilovic, is-sid ta’ restaurant Marijo Hodak u s-sieħeb tiegħu fin-negozju Davor Andelkovic.

kollox beda għall-ħabta tas1:20 tal-bieraħ filgħodu meta l-grupp attakka Serb f’Santa Rita steps, f’Paceville. Immedjatament ingħaqdu magħhom madwar 30 Kroat oħra li bdew iwaddbu kull ma sabu taħt idejhom qabel is-Serb inqafel fi stabbiliment tad-divertiment.

Il-Kroati ġew assenjati lill-avukat Joseph Ellis bħala avukat tal-għajnuna legali, li madankollu rrifjuta għaliex qal li “ladarba dawn il-persuni għandhom flus għal logħba futbol, jifilħu jħallsu wkoll għal avukat.”

Hawn is-seduta ġiet sospiża għal nofs siegħa sakemm l-avukat Ellis ikkonsulta mal-Kroati u ntlaħaq ftehim li jitħallas tas-servizzi tiegħu. Il-Kroati ammettew l-akkużi kontrihom u nżammew arrestati sakemm għada tingħata s-sentenza.