Ambjent Lokali

Sospensjoni tal-liċenzja u multi għal żewġ nassaba illegali

Nassab kellu l-liċenzja għall-kaċċa u nsib tiegħu sospiża għal tliet snin wara li matul ir-Rebbiegħa li għadda nqabad jonsob għall-isponsuni (finches) b’mod illegali fil-Park tal-Majjistral. L-istess nassab ingħata wkoll multa ta’ €2,400 mill-Qorti ta’ Malta.

F’każ separat, nassab miż-Żurrieq (ritratt) ukoll inqabad fil-fatt jonsob għall-isponsuni u weħel sospensjoni ta’ sentejn tal-liċenzji tal-kaċċa u l-insib u ngħata multa ta’ €1,200.

Dawn il-każi jsegwu dawk tal-bieraħ meta nassab Għawdxi kellu l-liċenzja tiegħu ta’ kaċċa u ta’ nsib revokata għal ħajtu u ngħata multa rekord ta’ €8,000 wara li nqabad jonsob illegalment qrib San Lawrenz f’Għawdex.

It-tliet każi kienu rrapurtati lill-Pulizija minn membri tal-Committee Against Bird Slaughter (CABS) li fil-Qorti ppreżentaw filmati bħala evidenza.