Il-European Union of Sports Press (AIPS Europe), l-Għaqda Ġurnalisti Sport (GħSL) u l-Croatia Journalists Association bagħtu tliet ittri separati ndirizzati lis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo fejn ilmentaw li numru ta’ ġurnalisti ma tħallewx jidħlu għall-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Pietro Ghedin qabel il-partita’ kontra l-Kroazja.
Il-President ta’ AIPS Europe Ioannis Daras qal li l-union qed tistenna skuża għax “qatt ma stenniet li qabel logħba uffiċjali tal-UEFA, il-konferenza tal-aħbarijiet se tkun żona ristretta għall-midja Kroata u Maltija” u saħansitra qalet li qed jistenna li l-“UEFA Media Services jibdew investigazzjoni immedjata għal din l-azzjoni li tmur kontra l-liberta’ tal-istampa.”
Fl-ittra tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Kroata Jura Ozmec qal li filwaqt li jifhem li l-logħba bejn Malta u l-Kroazja kienet iktar minn sempliċiment logħba, minħabba l-problemi kkawżati minn xi partitarji Kroati, jistenna li f’dan il-każ ir-regoli kellhom ikunu iktar tanġibbli.
“Nemmen li tifhem li int u l-organizzazzjoni li tmexxi tifhem li mhux kull ġurnalist, esperjenzat kemm hu esperjenzat, hu kapaċi jsib il-post u jasal fil-ħin skedat. Tant hu hekk li anke’ ġurnalisti Maltin waslu tard,” tgħid l-ittra ta’ Ozmec, li talab apoloġija lill-ġurnalisti li waslu eżattament fl-16:30, x’ħin kellha tibda l-konferenza tal-aħbarijiet.
Minn naħa l-oħra l-GħSL, f’ittra ndirizzata mill-President Charles Camenzuli u s-Segretarju Ġenerali Sandro Micallef, fissret is-sitwazzjoni bħala “inaċċettabbli u fuq kollox imbarazzanti għall-MFA u għall-UEFA.”
L-GħSL talbet investigazzjoni u qalet li jekk din kienet deċiżjoni tal-UEFA, ħeġġet lil Vassallo biex juri d-diżaprovazzjoni tiegħu u jaqbeż għad-drittijiet tal-media.
“L-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u l-kollegi ġurnalisti, kontributuri u kummentaturi qed jistenew li l-MFA twiegħed li sitwazjoni simili ma’ terġa’ qatt tirrepeti ruħha.”
Fin-nuqqas ta’ dan l-GħSL wissiet li lesta tagħti direttivi speċifiċi lill-membri tagħha għal rappurtaġġ limitat forma ta’ protesta għall-attivitajiet kollha tal-MFA għal perjodu speċifiku.
//= $special ?>