Id-deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech hu fost tmien persuni li fil-Qorti, iddikjaraw li m’għandhom ebda ħtija għall-mewt ta’ ħaddiem mil-Latvja f’sit ta’ kostruzzjoni fl-2012.
Francis Zammit Dimech hu fost tliet diretturi tal-lukanda Seabank, żewġ diretturi ta’ kumpanija ta’ kostruzzjoni u tliet periti li llum waranofsinhar dehru quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.
Kollha wieġbu mhux ħatja dwar qtil involontarju tar-raġel, Maksims Artamonovs, ta’ 27 sena, li miet mgħaffeġ waqt xogħlijiet fil-lukanda fil-Mellieħa.
Minbarra d-deputat Nazzjonalista, fil-Qorti dehru wkoll Etienne Bartolo, ta’ 37 sena u Angelus Bartolo, ta’ 62 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Arthur Gauci, ta’ 46 sena u Sylvius Debono ta’ 56 sena mill-Mellieħa, u l-periti Robert Sant, ta’ 52 sena minn Ħal Balzan, Reuben Gatt, ta’ 40 sena mill-Marsa u Pierre Farrugia, ta’ 46 sena minn Ta’ Xbiex.
Il-Vittma kien impjegat ta’ B&B Holdings and Investments Ltd, li kienet imqabbda tagħmel xogħol relatat mat-tkabbir u tisbiħ tal-lukanda, b’valur ta’ €20 miljun. Il-Pulizija ħarġet akkużi ta’ negliġenza wara inkjesta dwar l-inċident.
Il-Qorti semgħet lill-avukati tad-Difiża li kkontestaw il-każ bil-qawwa hekk kif sostnew li assolutament mhemm ebda responsabilità kriminali min-naħa tal-klijenti tagħhom. Il-Qorti semgħet ukoll żewġ xhieda li kkonfermaw ir-rapport li ppreparaw għall-inkjesta Maġisterjali. Il-każ ikompli f’Novembru.
L-avukati tad-Difiża huma Michael u Lucio Sciriha, Giannella u Mario de Marco, Joe Giglio, u Paul u Alesssandro Lia.
//= $special ?>
