Regolamenti li jħarsu l-istandards tad-djar tal-anzjani mhux se japplikaw għal San Vincenz de Paul
Il-Gvern se jkun qiegħed jeskludi u jaqla’ ‘l barra lir-Residenza ta’ San Vincenz de Paul mir-regolamenti u standards li se jkunu qed japplikaw għal djar tal-anzjani. Dan se jissarraf f’politika ta’ diskriminazzjoni kontra anzjani residenti fir-Residenza San Vincenz de Paul.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà, saħaq fil-Parlament li r-regolamenti u l-istandards għandhom japplikaw ukoll għar-Residenza ta’ San Vincenz de Paul. Appella lill-Gvern ibiddel dan il-ħsieb u ma joħloqx diskriminazzjoni bejn l-anzjani.
Hu qal dan meta kien qed jirriferi għad-dokument li tnieda dwar l-istandards nazzjonali għas-servizzi mogħtija fid-djar tal-anzjani u qal li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba.
Irrimarka li hu ta’ inkwiet li l-Gvern ma ħassx il-bżonn li jikkonsulta mal-Oppożizzjoni qabel mad-dokument tnieda. Semma li fl-istqarrija li ħarġet ma’ dan id-dokument, jirriżulta li qed tinħoloq entità awtonoma li tinforza dawn l-istandards.
Staqsa jekk din l-entità awtonoma hix se tkun qed tgħajjat lill-Parlament jew lill-Ministeru. Semma li l-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia tkellem ukoll favur li l-entità tirrispondi lill-Parlament u mhux lill-Ministeru. Staqsa wkoll minn min se tkun kostitwita, u min se jaħtar dawn il-membri tal-entità, u kif se tkun imwaqqfa jekk hux b’Avviż Legali jew liġi li torbot lil din l-entità.
Fisser li b’dak li hu pjanat li jagħmel bl-introduzzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, il-Gvern se jkun qed joħloq diskriminazzjoni bejn anzjani. Għall-Oppożizzjoni dan mhux aċċettabbli meta se tkun qed issir distinzjoni bejn anzjani f’residenti fi djar għall-anzjani, u dawk fir-Residenza San Vinċenz de Paul minħabba li f’din ir-residenza li tilqa’ ‘l fuq minn elf anzjan, mhux se japplikaw dawn ir-regolamenti.
Dwar San Vincenz de Paul, id-Deputat Nazzjonalista qal ukoll li x-xogħol fuq il-kċina ta’ din ir-Residenza għadu ma bediex.
Tkompli l-pika bejn il-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana
Tkellem ukoll dwar id-dar tal-anzjani fGħawdex u qal li wara li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo tkellem sentejn ilu dwar din id-dar u ta l-impressjoni li se tkun miftuħa dalwaqt, jidher li issa kollox waqa’ lura u kollox għaddej bil-mod.
Robert Cutajar irrimarka wkoll li mhux ċar taħt min taqa’ r-responsabbiltà ta’ din id-dar, jekk hux il-Ministru għal Għawdex jew is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjani, Justyne Caruana.
Irrifera wkoll għal mod kif ħasel idejh il-Prim Ministru li meta wieġeb mistoqsija parlamentari biex jiċċara dwar din ir-responsabbiltà, u wieġeb biss biex il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat. Bil-Prim Minsitru jaħrab milli jwieġeb, Robert Cutajar qal li baqgħet l-anomalija dwar pika li għadha għaddejja u “t-tug of war” dwar ir-responsabbiltà ta’ din id-dar – jekk hux tal-Minsitru jew is-Segretarju Parlamentari.
Appella lill-Gvern ma jkomplix ikaxkar saqajh u jiftaħ din id-dar, u biex il-Gvern jivvota aktar flus biex titlesta u tinfetaħ kemm jista’ jkun malajr.
Jifraħ lir-rebbieħ tal-Premju Anzjanità Attiva f’Għawdex
Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar feraħ lil Monsinjur Carmelo Mercieca, Għawdxi li rebaħ il-Premju Anzjanità Attiva f’Għawdex fejn kien hemm 21 nominazzjoni u fejn spikka s-sens qawwi tal-volontarjat fil-qasam tal-anzjani.