Sport Sport Ieħor

Bidu rekord għal Sirens ASC fl-Għawm

L-Għawwiema ta’ 9 snin ta’ Sirens ASC, Emily Grech Carr, taħt il-gwida ta’ Daniela Deguara Gatt, irnexxielha tikser l-Age Group Rekord ta’ Grupp A waqt l-ewwel Time Trials tal-istaġun fil-pixxina tal-Qroqq.

Fit-tellieqa tal-50m freestyle hija rreġistrat ħin ta’ 32.80 sekondi u tejbet il-ħin rekord li kien twaqqaf minn Francesca Falzon Young fl-2011.

“Dan il-ħin rekord jawgura tajjeb ħafna għall-iskwadra”, qalet il-Head Coach Daniela Deguara Gatt. “Fil-fatt il-maġġoranza tal-għawwiema tal-klabb kellhom ħinijiet personali tajbin ħafna imma mhux b’kumbinazzjoni għax l-ammont ta’ xogħol li għamlet l-iskwadra matul is-Sajf kien wieħed fenomenali.”

Wara waqfa qasir li ħadu wara l-Kampjonati Nazzjonali ta’ Lulju, l-għawwiema ttrenjaw kuljum u b’dedikazzjoni u saħansitra marru żewġ training camps; wieħed fir-Renju Unit u l-ieħor fis-Slovenja.

F’Awwissu, erba’ għawwiema tal-iskwadra Elite, flimkien mal-Head Coach Deguara Gatt marru l-Ingilterra fejn attendew kors intensiv ta’ ħamest ijiem fil-kumpless sportiv tal-iskola Repton; fejn jitħarreġ Adam Peaty, l-għawwiem li rebaħ tliet midalji tad-deheb fil-kampjnati tad-dinja tal-għawm.

L-għawwiema ta’ Sirens ASC ħadmu qatigħ mal-kowċis ta’ Peaty f’sessjonijiet fuq l-art, fil-gym u fil-pixxina. Avolja kien taħriġ diffiċli ħafna, jiddiskrivuh bħala l-isbaħ esperjenza tas-Sajf.

F’Settembru, l-għawwiema u l-plejers tal-waterpolo flimkien mal-plejers tal-baskitbol ta’ Starlites, il-kowċis u xi ġenituri marru Ptuj fi Slovenja fejn qattgħu ġimgħa jiffukaw fuq ħiliet ġodda fit-taħriġ tagħhom qabel jibda l-istaġun tax-xitwa.