Qorti

Ħabs għal Marokkin li stupra tifel għal 4 snin

Marokkin ta’ 50 sena ntbagħat għaxar snin ħabs wara li nstab ħati li b’mod ripetut, stupra tifel Malti ta’ 14-il sena għal erba’ snin bejn l-2004 u l-2008.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli bagħtet lil Hamid El Faiq il-ħabs minkejja li baqa’ jiċħad l-akkużi fil-konfront tiegħu, u rrimarkat li kien il-vittma li qal kollox ladarba għalaq 18-il sena u li baqa’ konsistenti fix-xhieda tiegħu.

Il-vittma, fil-Qorti, qal li kien iltaqa’ mal-Marokkin f’ħanut f’San Pawl il-Baħar u kienu saru ħbieb. Kien beda jiffrekwenta d-dar tiegħu meta r-raġel kien xtara kompjuter u kellu bżonn l-għajnuna biex ikun jaf kif iħaddmu. Qal ukoll li f’okkażjoni waħda, ir-raġel kien tah l-alkoħol u hu siker imma għalkemm ma kienx jiftakar ħafna minn dak li kien ġara dakinhar, kien ftakar li kellhom x’jaqsmu sesswalment.

Qal li jumejn wara reġa’ stiednu d-dar u din id-darba ħadu fil-kamra tas-sodda fejn stuprah. Lill-Qorti qalilha li kien muġugħ ħafna u li r-raġel kien avżah biex ma jgħid xejn lil ħadd dwar dak li kien ġara. Il-Qorti semgħet kif l-attività sesswali baqgħet għaddejja minkejja li l-vittma kien talab lir-raġel biex jieqaf. Qal ukoll li kien beda jabbuża mid-droga u li meta kien irrifjuta li jmur fid-dar tal-Marokkin, ir-raġel kien heddu li kellu filmat tat-tnejn u li kien jippubblikah jekk jirrifjuta, għalhekk l-abbuż baqa’ għaddej. L-aħħar abbuż seħħ tlett ijiem qabel għamel rapport lill-Pulizija f’Ġunju tal-2008.

Lill-Pulizija, ir-raġel kien qalilha li t-tifel kien għamel rapport kontrih biex ipattihielu minħabba li kellu jtih ammont ta’ flus. Il-Pulizija qatt ma sabet filmat fid-dar tar-raġel.

Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat qalet li l-vittma kien konsistenti fix-xhieda tiegħu matul il-każ waqt li l-akkużat kien għamel numru ta’ allegazzjonijiet gravi dwar vjolenza mill-pulizija li qatt ma ssustanzja bi provi. Il-Maġistrat sabitu ħati ta’ diversi akkużi, inkluż stupru u attività sesswali mat-tifel iżda illiberatu mill-akkuża li żammu kontra r-rieda tiegħu.

Il-Qorti ordnat ukoll li isem ir-raġel jitniżżel fir-Reġistru tar-Reati Sesswali.

Fl-2010, il-Marokkin kien intbagħat 8 snin ħabs wara li nstab ħati ta’ stupru fuq tifel ieħor Malti ta’ 14-il sena li kien ħadu d-dar biex jurih oġġetti marbuta mal-futbol.