“Il-persuni b’diżabbilta’ iridu jgħixu ħajja normali qalb in-nies, u mhux jiġu mwarrba”. Dikjarazzjoni ċara li saret mill-eks chairman tal-KNPD Joe Camilleri wara li l-Gvern fil-Budget ħabbar li se jagħmel hub għall-persuni b’diżabbilta’.
Fit-Talking Point tat-Times, Camilleri sostna li din l-idea ta’ hub, li ħareġ biha l-Gvern, għandha tinkwieta lill-persuni b’diżabbilta’ u l-qraba tagħhom.
Camilleri jgħid illi jekk l-ekonomija sejra daqstant tajjeb allura irridu nofqu l-flus b’mod għaqli, u skont il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbilta’.
L-eks chairman tal-KNPD jinsisti fuq il-fatt illi “mhux se naqgħu għan-nassa ta’ min qed jipprova joħloq distinzjoni bejn persuni li għandhom diżabbilta’ fiżika u dawk b’diżabbilta’ intelletwali. “Dan huwa insult, għaliex il-persuni b’diżabbilta’ intelletwali għandhom l-istess ħolm u aspirazzjonijiet tal-ħajja”.
F’kumment kritiku immens għad-deċiżjonijiet li tħabbru fil-Budget, Joe Camilleri jinsisti illi ma nistgħux nirritornaw għall-ideat taż-żminijiet koroh tas-Seklu 19. “Dan huwa pass perikoluż lura”, sostna fit-Times l-eks chairman tal-KNPD.
//= $special ?>

