Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern qatt ma kellu pjan għall-Café Premier – il-PN

Wara li l-Prim Ministru kien inqabad ibażwar fl-iskandlu jinten tal-Café Premier, issa jrid iraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali David Agius, wara li minn Dokument li suppost baqa’ moħbi iżda li nkixef b’kumbinazzjoni, sar magħruf li l-Gvern ħa jagħti l-post tal-eks Café Premier lill-Kunsill Lokali tal-Belt.

L-Oppożizzjoni fakkret li l-Gvern Nazzjonalista ħadem biex il-Kunsill Lokali jkollu s-sede tiegħu fil-Main Guard, f’dak li llum hu l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan kien ħolqa fil-katina ta’ investiment fil-Palazz tal-President, li kellu jkun ħieles minn kull uffiċċju ħlief dawk tal-Kap tal-Istat u biex l-Armerija tkun esposta fl-eks Kamra tar-Rappreżentanti.

Kien għalhekk li l-Gvern Nazzjonalista akkwista binja fi Triq ir-Repubblika biex tospita lill-Avukati kollha tal-Avukat Ġenerali u l-entitajiet kollha li bħalissa jinsabu fil-Palazz. B’hekk, il-Kunsill Lokali jkollu sede f’post tassew aċċessibbli, prestiġġjuż u prominenti fuq il-Main Guard.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa jekk il-fatt li issa l-Gvern, wara sentejn u nofs mit-tberbiq ta’ 4.2 miljun ewro mill-Prim Ministru, se jagħti l-eks Café Premier lill-Kunsill Lokali, ikomplix jikkonferma kemm dak il-bailout kien ivvizjat. Dan għaliex, jekk veru l-Gvern ried jakkwista l-Café Premier biex jagħtih lill-Kunsill Lokali, allura għalfejn ħallih sentejn u nofs battal u ħela 30 xahar?

Min-naħa l-oħra, jekk iddeċieda issa li jagħtih lill-Kunsill Lokali, allura għalfejn l-għaġla kollha ta’ Muscat biex innegozja hu, bl-użu tal-emails privati tiegħu u mingħajr l-involviment tal-Kummissarju tal-Artijiet jew dokumentazzjoni kif iċċertifika l-Awditur Generali, tant li berbaq aktar minn 4 miljun ewro fi tliet xhur?

Filwaqt li sostna li ma jsib l-ebda oġġezzjoni li l-Kunsill Lokali jingħata post denju ta’ Kunsill tal-Kapitali, il-Partit Nazzjonalista qal li din l-istorja tkompli turi biċ-ċar kif il-Gvern qatt ma kellu pjan għall-akkwist tal-Café Premier, filwaqt li tikkonferma l-irregolaritajiet kbar fil-proċess, li tħares kif tħares lejh kien ivvizzjat u b’riħa tinten ta’ korruzzjoni.

Stqarrija Kunsilli Lokali tal-Belt

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta sostna li jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern u li kienet konfermata mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li tgħid li l-bini li qabel kien ta’ Cafe’ Premier issa se jkun qed jingħata lill-Kunsill Lokali tal-Belt Kapitali tagħna. Bla dubju din id-deċiżjoni hi sforz l-insistenza li kien hemm mill-Kunsill Lokali sabiex ir-residenti Beltin, u dawk kollha li jagħmlu użu mis-servizzi li joffri l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, ikollhom post aktar ċentrali fil-qalba tal-lokalitá kif ukoll aċċessibli għal kulħadd partikolarment għall-anzjani u dawk il-persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.

Minħabba l-fatt li l-Gvern preċendenti kien għażel li jagħti s-sit tal-Main Guard, quddiem il-Palazz lill-Kunsill Lokali, l-istess Kunsill Lokali diġa’ nefaq ammont ta’ flus sabiex jirrestawraħ u jsiru xogħlijiet oħra. Madankollu, għal raġuni jew oħra, il-Gvern preżenti għażel li ma jżommx mad-deċiżjoni tal-Gvern ta’ qablu. Għalhekk, quddiem dan kollu, u minħabba li il-Kunsill diġa’ nefaq flus biex imantni il-Main Guard, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jappella lill-Gvern sabiex din l-għajnuna ma tieqafx hawn iżda tkompli billi tiffinanzja x-xogħol li jrid isir ġewwa l-bini sabiex il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jkun jista’ jibda jopera fl-iqsar żmien possibli mill-bini fejn qabel kien Café Premier.

L-għażla tal-bini ta’ fejn qabel kien Café Premier kienet waħda mill-alternattivi li dan il-Kunsill Lokali ssuġerixxa lill-Gvern u għaldaqstant nilqgħu b’sodisfazzjon kbir id-deċiżjoni tal-Gvern anke għaliex dan fehem li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu jkollu sede ċentrali u li tagħmel ġiħ lill-Belt Kapitali, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-Belt Valletta, grazzi għall-applikazzjoni u x-xogħol li sar mill-istess Kunsill Lokali, fl-2018 se jkollha l-unur ta’ Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura.