Is-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Josef Vella jsostni li l-proposta tal-Union li ssir enfasi fuq l-importanza tal-pensjoni tat-tieni pilastru hi waħda li qed tħares lejn il-futur, iżda li l-passi dwarha jridu jittieħdu b’mod immedjat. Dan għaliex Malta hi wieħed mill-ftit pajjiżi Ewropej fejn din is-sistema ta’ pensjoni għadha mhix implimentata.
Il-pożizzjoni tal-UĦM dwar il-pensjonijiet u l-proposti li ressqet għall-Baġit kienu diskussi f’laqgħa li l-Union organizzat mal-ġurnalisti, bl-isem “Press Talk”. Fid-diskussjoni, numru ta’ ġurnalisti ddiskutew il-proposti tal-UĦM flimkien mal-Uffiċjali tal-Union u rappreżentati oħra tal-ħaddiema-membri.
Id-diskussjoni ffukat fuq il-miżuri mħabbra fil-Baġit, fosthom il-viżjoni li kellu jagħti l-Baġit biex jidentifika setturi ġodda li se jkunu qed joħolqu x-xogħol fil-futur immedjat. Setturi oħra msemmija kienu l-importanza tat-taħriġ fost il-ħaddiema, l-isfidi li jsibu żgħażagħ bla kwalifiċi u t-taħriġ biex isibu x-xogħol, setturi tradizzjonali li wkoll jeħtieġu attenzjoni, kif ukoll l-importanza tal-konsolidazzjoni fiskali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM tkellem ukoll dwar l-importanza li li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, li hi preżenti f’diversi setturi, fosthom l-ispekulazzjoni tal-propjetà. Miżura oħra ta’ prijorità għall-UĦM hi l-kontroll tal-ekonomija s-sewda biex tonqos l-inġustizzja soċjali fis-soċjetà bejn dawk li jiddikjaraw kollox u l-oħrajn li kontinwament jevadu t-taxxa.
Dwar is-settur tax-xogħol, Josef Vella tkellem dwar l-inċertezza li tista’ toħloq il-proposta tal-Gvern dwar ix-xogħol li se jingħata lill-immigranti irregolari fil-pajjiż. Appella biex il-Gvern ikun konkret fil-proposti li qed iressaq ħalli ma jinħolqux inġustizzji. Fid-diskussjoni kienet trattat l-importanza li jkun hemm tisħiħ tal-koperrazzjoni bejn is-settur edukattiv u dak tax-xogħol biex il-pajjiż ikollu l-ħaddiema meħtieġa li jfornu l-ħtiġijiet tal-ekonomija u l-mod kif din qed tiżviluppa.
Fi “Press Talk” kienet diskussa wkoll il-problema tat-traffiku, li jidher li qed tiddomina l-aġenda pubblika bħalissa. Filwaqt li kien speċifikat li l-obbligu tal-Gvern kien li jettaq il-pjani li qal li kellu, jidher li l-problema issa saret waħda gravi u li qed toħloq problemi kontinwi. Il-UĦM qed tikkunsidra wkoll din il-proposta fil-kuntest tal-ħaddiema u l-mod kif dawn qed ikunu effettwati.
Settur ieħor diskuss mal-ġurnalisti kien l-aspett soċjali, fejn tqanqal il-fatt li minkejja t-tkabbir fl-ekonomija, il-persuni li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar u għandhom diffikultajiet finanzarju issa komplew jiżdiedu u telgħu għal 100,000. Id-diskussjoni ffukat fuq il-mod kif minkejja li l-ekonomija kompliet tiġġenera l-ġid, jidher li dan mhux qed jinfirex b’mod ġust. Flimkien ma’ dan, id-diskussjoni ffukat ukoll fuq l-effetti ekonomiċi tal-eluf ta’ ħaddiema li l-Gvern qed jimpjega miegħu.
Fid-diskussjoni kienet trattata wkoll l-importanza li s-soċjetà tkun aktar b’saħħitha quddiem l-isfidi li qed tiffaċċja, fosthom fis-setturi tax-xogħol u tal-konsumatur.
//= $special ?>