Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjoni li mistennija ssir mill-Awtorità Maltija tat-Turizmu (MTA) dwar il-prattiċi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema-ġenituri ta’ tfal żgħar, li jaħdmu b’telework. Dan fid-dawl tad-deċiżjoni meħuda li jiġu standardizzati u mnaqqsa s-sigħat li fihom il-ħaddiema-ġenituri jistgħu jaħdmu mid-dar b’telework minflok mill-bini tal-Awtorità.
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li jifhem li l-Management tal-MTA għandu responsabbiltà li jara li l-eżiġenzi tax-xogħol ikunu servuti bl-aħjar mod, iħoss li t-tnaqqir fil-miżuri ‘family friendly’ mhux is-soluzzjoni. Fakkar li l-iskop ta’ miżuri ‘family friendly’ hu li jagħmilha iżjed faċli biex il-ħaddiema-ġenituri jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u r-responsabbilitajiet familjari, minflok ma jitpoġġew kundizzjonijiet li jagħmluha impossibbli li dan l-għan jintlaħaq.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ironiku kif, filwaqt li l-Gvern jiftaħar bir-riżultati tajbin fin-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna, jieħu miżuri li jpoġġu piżijiet fuq għadd ta’ ħaddiema minflok juru rikonoxximent u jinċentivaw lill-ħaddiema. Fl-istess waqt, hu ironiku wkoll kif il-Gvern sab mezzi biex jappunta għadd ta’ nies tal-qalba f’positions of trust fl-MTA, mingħajr sejħiet pubbliċi u mingħajr ma jippublika d-dettalji tal-pakketti ta’ rinumerazzjoni, u qed jonqos milli jsib soluzzjonijiet aktar raġjonevoli għall-ħaddiema li servew għal għadd ta’ snin, b’riżultati li jarahom u jmisshom kulħadd.
Filwaqt li esprima l-gratitudini għall-ħidma sfieqa li l-ħaddiema fl-MTA ilhom iwettqu għal numru ta’ snin, tant li llum pajjiżna qed igawdi frott ta’ industrija turistika b’saħħitha, il-Partit Nazzjonalista appella mill-ġdid għal soluzzjoni ispirata mis-sens komun, jiġifieri li jinstab bilanċ bejn ix-xogħol li jrid isir u r-responsabbiltajiet familjari tal-ħaddiema, kif dejjem kien il-każ.
//= $special ?>