Lokali Qorti

John Bundy jiddeskrivi t-telefonata ta’ Silvio Scerri li neħħiet lil Norman Vella mill-PBS

Il-preżentatur televiżiv John Bundy, fil-Qorti, xehed kif sema’ lil Silvio Scerri, eks-Kap tas-Segretarjat tal-eks-Ministru Manuel Mallia, jordna t-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS.

Vella, li kien imexxi l-programm TVHemm u kien kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qed jisħaq li kontrih saret diskriminazzjoni politika meta ngħata transfer lura mill-PBS għad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni.

Silvio Scerri fetaħ każ ta’ libell kontra John Bundy wara li l-ġurnal Times of Malta għamel artiklu li fih Bundy jgħid li kien Scerri li ried lil Vella jitlaq mill-PBS.

Fil-Qorti, il-Maġistrat Francesco Depasquale sema’ lil John Bundy jispjega kif fit-13 ta’ Mejju kien fl-uffiċċju ta’ Silvio Scerri, li dak iż-żmien kien il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministru Manuel Mallia li kien responsabbli mill-PBS, għaliex Scerri staqsieh riedx jieħu f’idejh il-preżentazzjoni tal-programm televiżiv ta’ filgħodu li sa dak iż-żmien kien immexxi minn Pierre Portelli u minn Joe Mifsud.

Bundy qal li kien irrifjuta għax ma riedx jidħol f’kontroversji. Bundy qal li ftit wara, Scerri ċempel lil xi ħadd li sejjaħlu Anton, aktarx Anton Attard, il-Kap Eżekuttiv ta’ PBS, u staqsieh kemm kienu jitħallsu Pierre Portelli u Joe Mifsud. Bundy qal li f’ħin minnhom, Scerri qal li “dak Norman, ibgħatu lura l-Immigrazzjoni….tinkwetax, intihielek jien bil-miktub”.

Bundy qal ukoll li kif kien ħiereġ mill-uffiċċju, persuna li Scerri introduċiha bħala s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney, daħlet fl-uffiċċju. Bundy xehed li dak il-ħin u quddiemu, Scerri qal lil Mahoney li riedu jikteb lil Anton Attard u jitolbu jittrasferixxi lil Scerri.

Qal ukoll li wara li Scerri qata’ t-telefonata, staqsieh kif seta’ jagħmel hekk u Scerri wieġbu li hu responsabbli għall-PBS u seta’ jagħmel dawn l-affarijiet.

Bundy qal li f’konverżazzjoni iktar tard ma’ Norman Vella, meta t-tnejn iltaqgħu fl-ajruport f’Novembru tal-2013, kien qallu biex ma jwaħħalx fil-Prim Ministru jew f’xi politiku ieħor għat-trasferiment tiegħu għax l-ordni kienet ħarġet mingħand Silvio Scerri.

Il-każ ikompli f’Novembru. Għal John Bundy qed jidher l-avukat Robert Abela waqt li għal Scerri qed jidher l-avukat Edward Gatt.