Kunsilli Lokali

Nuqqas ta’ Proposti ta’ Skemi ta’ Parkeġġ f’San Pawl il-Baħar fil-Budget

Wara d-diskors tal-Budget 2016, mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, fil-Parlament nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar iħoss li għandu jesprimi d-diżappunt tiegħu għal dak li jikkonċerna xi forma ta’ soluzzjoni għall-parkeġġ fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar.

Filwaqt li dan il-Kunsill mhux ser jidħol fil-mertu fuq liema bażi ntgħażlu ċertu lokalitajiet u mhux oħrajn, wieħed jitħasseb kif lokalita’ bħal San Pawl il-Baħar, li mhux biss għandha t-tieni l-ikbar popolazzjoni, u b’popolazzjoni dejjem tikber, iżda hi wkoll post turistiku, ma ġietx inkluża ma’ dawn il-lokalitajiet. Bla dubju, il-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ ‘postijiet fejn hemm nuqqas partikolari ta’ postijiet ta’ parkeġġ’, hekk kif ġew deskritti lokalitajiet oħrajn. Ċertament li l-fatt li ssemmiet il-possibilta li jkun hemm xi forma ta’ kollaborazzjoni biex jinbnew parkeġġi pubbliċi, izda mhux f’San Pawl il-Baħar, hi ta’ tħassib serju għal dawk kollha li jgħixu f’San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, kif ukoll għal dawk li għandhom negozju hawnhekk.

F’dawn l-inħawi ta’ pajjiżna għandna problema kbira ta’ parkeġġ. Dan jixhduh ta’ kuljum ir-residenti ta’ din iż-żona kif ukoll dawk li jiġu hawnhekk għal skopijiet ta’ negozju, divertiment jew biex iżuru l-qrabathom. Hu fatt magħruf li n-nuqqas ta’ parkeġġ qed joħloq ħafna diffikultajiet lir-residenti, lil dawk li jiġu għax-xhur tas-sajf, lit-turisti, lil dawk li jiġu f’dawn l-inħawi fi tmiem il-ġimgħa, u lin-negozji li joperaw minn dawn in-naħiet. Illum il-ġurnata, din il-problema hi realta’ matul is-sena kollha, iżda b’mod partikulari matul ix-xhur tas-sajf.

Għaldaqstant ma nistgħux nifhmu kif San Pawl il-Baħar kien eskluż mill-possibilita’ li jsir investiment fuq parkeġġi ġodda u ssir manutenzjoni kif tixraq fuq dawk esistenti, liema parkeġġi huma tant bzonnjużi mhux biss għar-residenti imma wkoll għas-settur tan-negozju u tat-turiżmu.

Kif inhu magħruf il-Kunsill Lokali m’għandux il-fondi neċessarji biex jidħol għal tali proġetti ta’ parkeġġ, u lanqas ma jidher li ser ikollu fondi għal dan it-tip ta’ żvilupp matul is-snin li ġejjin. Għal dan il-għan inħossu li l-Gvern għandu kemm jista’ jkun malajr isib mezz kif jibda proċess li permezz tiegħu jkunu jistgħu jittejbu u jinbnew parkeġġi għal dawn l-inħawi, u tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ parkeġġ.