Qorti

Raġel bla dar jintbagħat Monte Karmeli wara li ċaħad li aggredixxa Pulizija f’Mater Dei

Raġel mingħajr residenza fissa ntbagħat fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli wara li ċaħad li aggredixxa uffiċjal tal-Pulizija fl-Isptar Mater Dei iktar kmieni din il-ġimgħa, u li pprova jweġġgħu b’siringa.

Sean Sinclair Pace, ta’ 36 sena, eks-boxer, deher quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri akkużat b’diversi akkużi fosthom li aggredixxa lill-pulizija Emanuel Cilia, li heddu u li weġġgħu, li ma mexiex ma’ ordnijiet tal-Pulizija, li waqqafhom milli jwettqu xogħolhom u b’dagħa fil-pubbliku.

L-Ispettur Jason Sultana, fil-Qorti, xehed kif ir-raġel kien intbagħat l-Isptar Monte Karmeli miċ-ċentru tas-saħħa ta’ Bormla imma malli wasal hemm ittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei għax ma kienx qed jirreaġixxi. Hemmhekk ingħatalu antidotu għall-eroina għax it-tobba ssuspettaw li kellu overdose ta’ din id-droga.

L-Ispettur qal li meta ġie f’sensih, ir-raġel irrifjuta li jiġi ttestjat jew li jintbagħat lura l-Isptar Monte Karmeli u ta diversi daqqiet ta’ ponn lill-uffiċjal tal-Pulizija li ssejjaħ biex jikkalma s-sitwazzjoni.

Fil-Qorti ntqal li diversi uffiċjali tas-sigurtà, tobba u infermieri ppruvaw irażżnu lir-raġel imma rnexxielu jaħtaf siringa mikxufa u pprova jagħti biha lill-pulizija f’għonqu. Ir-raġel ġie msakkar f’kamra sakemm waslu l-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit.

L-avukat tad-Difiża, Joe Brincat, qal li l-klijent tiegħu kien qed jinsisti li mhux ħati imma ma talabx il-libertà proviżorja għax qal li s-saħħa tal-klijent tiegħu kienet prijorità. Il-Maġistrat aċċetta t-talba tad-Difiża, li r-raġel jintbagħat fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli għat-trattament meħtieġ.