Qorti

“Tinkwetax, m’għandna ebda intenzjoni li nerġgħu niġu Malta” – Partitarji Kroati

Sitt hooligans Kroati tal-futbol, li kkawżaw kważi €6,000 fi ħsara f’Paceville, fil-Qorti llum ingħataw sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiża għal erba’ snin, iżda jridu jħallsu għad-dannu li kkaġunaw.

Hekk kif il-Maġistrat Josette Demicoli tat is-sentenza, wieħed mis-sitt irġiel wieġeb “Tinkwetax, m’għandna ebda intenzjoni li nerġgħu niġu Malta”.

Il-Qorti semgħet kif is-sitt irġiel, ta’ bejn 21 u 38 sena, kienu involuti fi ġlieda f’Paceville ma’ grupp ta’ Serbi kmieni t-Tlieta filgħodu u bdew jitfgħu imwejjed, siġġijiet, fliexken, tazzi u dak kollu li ġie għal idejhom biex ikkaġunaw kważi €6,000 f’danni lill-istabilimenti f’Paceville. Ħanut minnhom spiċċa bl-imwejjed u s-siġġijiet tiegħu mormija fit-triq.

L-Ispettur Trevor Micallef mexxa l-Prosekuzzjoni waqt li l-avukat Joseph Ellis deher għal Ivan Janjetic, ta’ 21 sena, Dalen Cekada, ta’ 25 sena, Denis Danilovic, ta’ 25 sena, Igor Valec, ta’ 26 sena, Davor Andelkovic, ta’ 32 sena, u Marijo Homdak, ta’ 38 sena.